“Ħobb lil Alla skont kemm taf tħobbu” – L-Isqof t’Għawdex

“Ħobb lil Alla skont kemm taf tħobbu”, kien kliem l-Isqof t’Għawdex. Huwa kien qed jagħti omelija fil-Festa parrokkjali ta’ San Ġużepp, fil-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.

Il-Mons. Mario Grech spjega kif it-tendenza tal-bniedem huwa li jaħbi d-difetti tiegħu sa punt li jinnegahom; iżda dawk id-difetti importanti li jiġu rikonoxxuti biex il-bniedem isirlu l-proċess ta’ maturazzjoni. Biex il-bniedem ikun maħbub minn Alla ma jridx ikun perfett, sostna jgħid.

Huwa semma kif Ġesù Rxoxt iltaqa’ mal-Apposti ħdejn il-baħar ta’ Tiberija (Ġw 21:1-19), fejn staqsa lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Pietru, li kien jaf l-imperfezzjonijiet tiegħu, wieġbu: “Nixtieq inħobbok kif qed titlob minni, imma jien inħobbok kif naf inħobb jien”. L-Isqof tenna kif din l-ammissjoni kollha umiltà misset qalb Ġesù, fejn huwa biddel il-mistoqsija tiegħu: “Xmun BinĠona, inti tħobbni kif taf tħobb int?”

Il-Mons. Mario Grech imbagħad qabbel San Ġużepp ma Pietru. Għalkemm San Ġużepp kien bniedem tajjeb, huwa kien jaf il-limitazzjonijiet tiegħu, u beża’ mir-responsabbiltà li jkun missier l-Iben t’Alla li sar bniedem. Però, Alla qallu li għandu l-fiduċja fih, u Ġużeppi nbidel u kiber.

Huwa kkonkluda billi qal: “Ġużeppi kiber ukoll kif kiber Pietru, kibret Marija u nistgħu nikbru int u jien”. Dan għaliex Alla tant iħobb il-bniedem li lest jimxi bil-pass tiegħu.