‘Ħmistax oħra jkun analizzat rapport dwar ir-riżultat tal-elezzjoni’ – Dr Simon Busuttil

F’diskors li għamel wara li tħabbru r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Dr Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista issa għandu tmexxija u ġenerazzjoni ġdida. Qal li waqt il-kunsill ġenerali tal-Partit li se jitlaqqa’ ħmistax oħra, se jkun diskuss u analizzat rapport dwar ir-riżultat tal-elezzjoni.

Aktar kmieni Dr Beppe Fenech Adami u Dr Mario de Marco ġew eletti Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Fenech Adami ġie elett Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit b’76% tal-voti. Dr de Marco inħatar Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari b’96% tal-voti. Paula Mifsud Bonnici ġiet konfermata bħala President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista b’85% tal-voti.

Total ta' 849 kunsillier tal-Partit Nazzjonalista kienu eliġibbli biex jivvutaw. Huma vvutaw ukoll għal 13-il membru li jirrappreżentaw lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit.

Din kienet l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista eleġġa żewġ Viċi Kapijiet wara emenda fl-Istatut tal-Partit li kienet tressqet mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Simon Busutttil.

Dr Mario de Marco qal li l-bidliet li qed isiru fil-partit huma fil-mentalità u l-mod kif issir il-politika, kif qed jistennew in-nies. Qal li l-Partit irid jifhem aħjar l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-sinjali taż-żminijiet biex jikseb il-fiduċja tan-nies. Dan filwaqt li l-partit ikun oppożizzjoni b’saħħitha għall-Gvern immexxi mill-Partit Laburista.

Dr Beppe Fenech Adami appella liż-żagħżagħ li se jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni li jmiss billi qal li l-PN hu l-partit fejn jistgħu iressqu l-ħolm tagħhom biex isir realtà. Fost ir-ringrazzjamenti li għamel, huwa sellem lill-ommu Mary u sejħilha ‘l-omm tal-parir it-tajjeb’ u qal li kien magħha l-iktar li kkonsulta qabel tefà n-nomina tiegħu għal Viċi Kap. Sellem ukoll lil missieru Dr Eddie Fenech Adami li bħalissa qed jirkupra fl-isptar.