“Ħlisna raġel milli jagħmel suwiċidju f’Għawdex; salvajtu ħajja”

Wara li lbieraħ Newsbook.com.mt ippubblika artiklu dwar is-servizz ta’ Crisis Resolution Malta, l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum għal persuni f’riskju ta’ suwiċidju, Dr Mark Xuereb ikkuntattja ġurnalista jinsisti li bl-artiklu ġiet salvata ħajja.

Dr Xuereb spjega li wara madwar siegħa mill-ippubblikar tal-artiklu li tkellem dwar kif it-tim ta’ voluntiera qed jiddiskuti mal-Gvern x’jista’ jsir biex is-sistema tkompli tiżviluppa, rċevew telefonata li talbithom jassistu raġel f’Għawdex li kien se jikkommetti suwiċidju.

Dr Xuereb sostna li ħajja ġiet salvata għax il-midja ħadmet id f’id ma’ entitajiet li jassistu persuni vulnerabbli u rrimarka l-importanza li titqajjem aktar kuxjenza mill-midja dwar il-mard mentali u xi jwassal għas-suwiċidju fis-soċjetà.

Wara li rċevew it-telefonata, Crisis Resolution Malta għamlet rapport lill-Pulizija sabiex ikunu jistgħu isibu lir-raġel li kien f’riskju ta’ suwiċidju u jieħduh għal għajnuna immedjata.

Crisis Resolution Malta huwa l-unika tim dedikat għal każijiet ta’ suwiċidju, b’tim magħmul totalment minn voluntiera li huma kollha professjonijisti li huma kwalifikati.

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

  1. Il-burdata tinbidel.
  2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
  3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
  4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.