‘Ħlief kampanja ta’ biża ma rajtx mill-PN’ – Dr Joseph Muscat

Il-mexxej Laburista qal li l-proposta Laburista dwar l-enerġija hija l-unika pjan li l-poplu għandu quddiemu f’dan il-qasam.

Hu qal dan waqt intervista li kellu fuq l-istazzjon nazzjonali, li fiha fakkar kif f’dawn il-ġimgħat ħlief kampanja ta’ biża ma ħarġietx mill-Partit Nazzjonalista.

Dr Muscat qal li l-Partit tiegħu seta’ għamel bħal Partit Nazzjonalista u beżża bil-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn l-Italja u l-Libja fuq il-provistà tal-gas, wara li dan twaqqfet minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Il-mexxej Laburista qal li Malta mhux qegħda f’sitwazzjoni ta’ kollox ħażin, iżda kif intqal minn ‘Standard & Poor’s’ Malta għandha dejn mhux sostenibbli.

F’dan il-kuntest, it-tbassir ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista kien maħdum fuq kalkoli interni.

Dr Muscat qal li la l-Unjoni Ewropea u qas il-Bank Ċentrali ma jaqblu mat-tbassir ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista.