Ħlewwiet il-Għid b’risq l-MCCF

Għadd ta’ studenti u impjegati tal-Institute for Tourism Studies (ITS), qed jaħdmu id f’id sabiex jipproduċu mijiet ta’ figolli u ħelu tal-Għid li se jinbiegħu kolla b’risq il-Community Chest Fund.
L-istudenti u ħaddiema involuti huma parti mill-programm Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fi ħdan il-Kumitat t’Attivitajiet Soċjali fl-ITS.
Il-President ta’ Malta ltaqgħet ma’ dawn il-persuni, u qalet li dan il-ġest tagħhom juri kif entitajiet differenti jistgħu jaħdmu flimkien biex jgħinu lil persuni fil-bżonn biex b’hekk nkunu ta’ spalla għal ħaddieħor.
Flimkien mal-Minsitru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, irringrazzjat lill-għalliema talli jrawmu fl-istudenti l-valur tas-solidarjetà u l-kultura ta’ paċi pożittiva.
Il-Ministru qal li bi programmi bħal dawn titkattar il-kuxjenza soċjali fost il-popolazzjoni żagħżugħa.
Il-figolli jinbiegħu nhar is-Sibt, 8 ta’ April, mill-Pjazza l-Assedju l-Kbir quddiem il-bini tal-Qorti.