Ħlewwa artifiċjali tista’ żżid ir-riskju tad-dijabete f’ġimagħtejn

Studju ġdid immexxi mill-Iskola Medika ta’ Adelaide fl-Awstralja wera kif l-użu ta' ħlewwiet artifiċjali (artificial sweeteners) minflok iz-zokkor, jista' jżid ir-riskju tad-dijabete f'ġimagħtejn biss. 
 
L-istudju wera kif is-supplimenti jistgħu jbiddlu r-rispons tal-ġisem għall-glucose, u jżidu wkoll ir-riskju tal-kundizzjoni tad-dijabete. 
 
Ir-riċerka, ippreżentata f'laqgħa annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudju tad-Dijabete f'Lisbona, il-Portugall, involviet 27 persuna b'saħħitha, fejn ġew mogħtija ħlewwiet, l-ekwivalenti ta' 1.5 litru ta' xorb tad-dieta, jew placebo inattiv. 
 
Fl-aħħar tal-ġimagħtejn, saru testijiet li eżaminaw il-livelli ta' assorbiment tal-glucose fid-demm, insulina u peptidi tal-imsaren. Fost dawk li ngħataw supplimenti bħal sucralose, irriżulta rispons akbar fl-oqsma kollha.
 
B’hekk l-istudju ddetermina li konsum ta' ġimagħtejn biss ta' ħlewwiet kienu biżżejjed biex jagħmlu differenza.
 
Id-dijabete taffetwa madwar 9.9% tal-popolazzjoni ta’ Malta.