Ħlas lura għall-biljett tal-vapur jekk tuża karozza elettrika

Tħabbret skema li se tkun qed tħallas lura l-biljett tal-Gozo Channel għall-vetturi elettriċi li jaqsmu lejn Għawdex bejn it-12 u s-17 ta’ Awwissu.

Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li sostniet li dan huwa pass ieħor sabiex issir gżira ekoloġika. Spjegat li l-Ministeru għal Għawdex permezz tad-Direttorat EkoGħawdex, se jkun qed jiffinanzja skema fejn il-propjetarji ta’ vettura elettriċi li se jaqsmu minn Malta  matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija, se jingħataw il-biljett tal-vapur b’xejn. Qalet li fil-ġranet marbuta ma’ Santa Marija, Għawdex jesperjenza influss għoli ta’ viżitaturi u b’hekk iridu jinkoraġġixxu prattiċi tajbin b’risq is-sostenibbiltà ambjentali, arja nadifa u mezzi ta’ trasport alternattivi.

Caruana żiedet tgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, id-Direttorat EkoGħawdex se jkun qed jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet li jiġu kkawżati mill-influss ta’ vetturi fuq il-gżira. Se tkun qed titnieda fil-festa ta’ Santa Maria, mit-12 ta’ Awwissu fil-5am u tagħlaq fis-17 ta’ Awwissu f’nofsillejl.

Biex tibbenifika minn din l-iskema, trid tippreżenta l-logbook inti u taqta’ l-biljett tal-Gozo Channel.