Ħinijiet itwal biex tinqeda mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

Il-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, ħabbar li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jestendi s-servizzi tiegħu lill-pubbliku nhar ta’ Sibt.
Qal li dan is-servizz se jibda jingħata f’sitt distretti madwar Malta, li jinkludu l-uffiċini tas-servizz.gov tal-Birgu u ta’ Ħal Qormi kif ukoll l-uffiċini distrettwali tas-sigurtà soċjali ta’ Raħal Ġdid, tal-Belt Valletta, ta’ Birkirkara u tal-Qawra.
Is-servizz se jingħata bejn it-8am u 12pm, u se jibqa’ jiġi mogħti matul is-sena kollha, inkluż fis-sajf.
Falzon qal li dan huwa mod ieħor ta’ kif aktar servizzi se jkunu qrib in-nies għaliex hemm min ma jkunx possibli għalih li jmur biex jinqeda matul il-ġimgħa.
Preżenti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Mark Musù, li qal li din il-miżura kienet waħda mill-Key Performance Indicators tal-Ministeru li qed tkun imwettqa.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħti s-servizzi tiegħu lill-klijenti minn 22 uffiċċju distrettwali f’Malta kif ukoll minn żewġ uffiċini distrettwali f’Għawdex.
Minbarra dan, uffiċjali tad-dipartiment iżuru u jagħtu s-servizz ukoll minn għadd ta’ kunsilli lokali kif ukoll mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut