Ħiliet prattiċi dwar it-tfal għall-ġenituri li qed jisseparaw

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li ġenituri li għaddew jew għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni jew divorzju, jistgħu jattendu programm li jgħinhom b’ħiliet prattiċi fit-trobbija ta’ uliedhom.

Il-Ministru Falzon spjega li dan il-programm ta’ “Co-Parenting” ilu jingħata mis-sena l-oħra u l-għan tiegħu hu li  jgħin ġenituri jiffaċċjaw l-isfidi marbuta mas-separazzjoni, kemm bħala individwi kif ukoll bħala ġenituri.

Qal li dan il-programm jagħti prijorità lill-ħarsien tal-interessi tat-tfal, anke billi jtejjeb il-komunikazzjoni mal-ġenitur l-ieħor.

Il-Ministru Falzon qal li dan il-programm huwa mifrux fuq sitt ġimgħat, u jitmexxa minn professjonisti mħarrga fis-settur fejn iż-żewġ ġenituri jattendu f’gruppi separati biex iħossuhom aktar liberi jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.

Qal li s’issa kien hemm 39 ġenitur li temmew dan il-kors b’suċċess.

Il-Ministru għall-Familja ta dan it-tagħrif meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.