Hijack: Fejn kont bħal-lum 3 snin?

Bħal-lum tliet snin ilu, propjament fit-23 ta’ Diċembru 2016 għall-ħabta tal-11am, ajruplan li kellu jinżel Tripli niżel Malta wara li ġie hijacked minn żewġ persuni min-nofsinhar tal-Libja. L-ajruplan, tal-linja tal-ajru Afriqiyah telaq minn Sebha fil-Libja u kellu jieqaf fi Tripli iżda baqa’ għaddej fid-direzzjoni ta’ Malta.

Jidher li l-pirati tal-ajru riedu jieħdu t-titjira lejn Ruma. Min-naħa tagħhom il-bdoti offrew biex iniżżlu l-ajruplan Tripli biex isiru n-negozjati hemm. Madankollu din l-offerta ma ġietx milqugħa.

Persuna abbord jhedded li għandu grenade
Wieħed mill-persuni li ħataf l-ajruplan kien qed jhedded li għandu fil-pussess tiegħu hand-grenade. Huwa qal li huwa favur Gaddafi u kien lest li jħalli l-passiġġieri jitilqu jekk it-talbiet tiegħu jkunu mismugħa. Din il-linja tal-ajru kienet inwaqqfa mill-Kurunell Muammar Gaddafi.

Is-servizzi tas-Saħħa u tas-Sigurtà lestew għal kull eventwalità
Fit-toroq li jagħtu għall-ajruport kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija. Is-Servizzi tas-Saħħa, inkluż dawk fiċ-ċentri, kienu wkoll lesti għal kull eventwalità. Is-suldati li kienu waqt ir-riċeviment tal-Milied iddaħħlu kollha kemm huma x-xogħol.

Il-Brigadier tal-Armata jinnegozja mal-hijackers
Il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi għamel kuntatt mal-hijackers u beda jieħu ħsieb in-negozjati magħhom. Skont midja Għarbija anke l-Ministru Libjan għat-Trasport għamel kuntatt magħhom.

Evakwati l-ħaddiema tal-Lufthansa Technik
Għal xi ħin il-ħaddiema tal-Lufthansa Technik ġew evakwati minn fuq il-post. L-ajruplan maħtuf kien jinsab viċin il-ħangers tal-kumpanija.

Il-Prim Ministru jagħmel kuntatt mal-Prim Ministru Libjan
Il-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem mal-Prim Ministru Libjan Faez al Serraj.

Jinħelsu 109 passiġġier minn 118
Wara sagħtejn u nofs il-passiġġiera bdew ħerġin minn fuq l-ajruplan. L-ewwel ma nħellsu kienu grupp ta’ nisa u tfal u aktar tard bdew ħerġin l-irġiel.  Il-persuni dehru neżlin b’mod kalm ħafna minn fuq it-taraġ tal-ajruplani tal-Air Malta. Ħaddiema tal-ekwipaġġ dehru jgħinu lill-passiġġiera joħorġu. 


Raġel ħareġ minn fuq l-ajruplan ixejjer bandiera ħadra. 
Ftit wara raġel ħareġ ixejjer dik li kienet il-bandiera tal-Libja fi żmien it-tmexxija tal-Kurunell Muammar Gaddafi. Wara nħelsu ftit mill-membri tal-ekwipaġġ.


Uffiċjali Maltin jintalbu jitilgħu abbord l-ajruplan
Sorsi nfurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li żewġ uffiċjali Maltin ntalbu jitilgħu abbord l-ajruplan. Dawn irrifjutaw u minflok il-hijackers talbu li jiltaqgħu taħt l-ajruplan bil-kundizzjoni li dawn iżommu f’idejhom il-grenades.


Il-hijackers iċedu u jiġu arrestati
Wara erba’ sigħat, il-hijack intemm wara li l-pirati ċedew u ġew arrestati.
Il-membri tal-ekwipaġġ dehru ħerġin mill-ajruplan, bl-ewwel persuna iżomm il-bandiera ħadra. Warajhom ħarġu l-hijackers li dehru jinxteħtu fl-art qabel ġew arrestati.

Fi Frar tal-2019 il-Qorti tat il-libertà proviżorja lil Shaha Ali, wieħed mill-hijackers, fuq seba’ kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ €50,000, depożitu ta’ €20,000, ma jistax jitla’ fuq dgħajsa jew vapur, u li ma jistax isiefer minn Malta mingħajr ma jingħata permess mill-Qorti.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrakkomandat lil-leġiżlaturi biex ikun hemm tibdil fil-liġi dwar l-għoti tal-ħelsien mill-arrest ta’ individwi li jitressqu l-Qorti b’akkuż ta’ terroriżmu. Sostniet li f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti għandha tingħata diskrezzjoni bil-għan li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużati u dawk tas-soċjetà.