“Hija policy tas-sala li l-missirijiet jintbagħtu d-dar billejl”

Nazzjonijiet magħquda tarbija tfal mewt

Kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon, kif ukoll il-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace, ikkonfermaw li l-missirijiet jintalbu jmorru d-dar fit-8pm wara wild ta’ tarbija hija xi ħaġa normali u hija parti mill-policy tas-sala.

Dan ġie spjegat propju wara li waħda mid-direttivi ordnati mill-MUMN li tgħid li s-sigħat tal-visti tal-irġiel/partners għandhom ikunu restritti bejn l-10am u t-8pm qajmet dibattitu sħiħ online speċjalment qalb koppji li waslu biex isiru ġenituri.

Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li l-missirijiet minn dejjem kienu jintalbu jmorru d-dar wara t-8pm imbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu fis-sala fl-10am. Spjega li f’każijiet fejn jimmerita, il-qwiebel ikunu jistgħu jagħtu permess li l-missier jibqa’ ħdejn l-omm matul il-lejl, iżda din hija biss f’każi eċċezzjonali. Dan ġie kkonfermat ukoll minn Paul Pace, il-President tal-MUMN.

Jekk wieħed jagħti titwila sal-website tad-Deputat Prim Ministru u jidħol fl-informazzjoni dwar is-swali differenti. Il-website turi ċar li l-ħinijiet tal-visti għall-missirijiet, partners jew gwardjani oħrajn huwa mill-10am sat-8pm, filwaqt li l-viżitaturi normali jistgħu jidħlu bejn l-4pm u t-8pm. Ma jistax ikun hemm iktar minn żewġ persuni jżuru l-istess pazjent fl-istess ħin.

Hemm spjegat li l-ħinijiet tal-visti għall-missirijiet ikunu miftuħin għal 24 siegħa wara li l-omm twelled. Dan sabiex ikunu jistgħu jibqgħu mal-omm u jgħinu fil-bonding. Huma jintalbu jitilqu mill-isptar fis-7am u jirritornaw fl-10am. Iċ-Charge Midwife imbagħad tista’ tagħti permessi speċjali għal visti ‘l barra mill-ħin tal-ftuħ f’każijiet speċjali.

Għaliex daħlu d-direttivi?

Pace spjega ma’ Newsbook.com.mt li numru ta’ direttivi daħlu fis-seħħ hekk kif roster tal-qwiebel li kien ilu jintuża għal tmien snin tneħħa. Spjega li l-qwiebel semmgħu leħinhom sabiex ir-roster jerġa’ jidħol fis-seħħ u tenna li dan reġa’ daħal fis-seħħ iżda għal ftit persuni magħżula. Sostna li għamlu ġimgħat sħaħ jitolbu sabiex kulħadd jiġi trattat bl-istess mod iżda ħassew li għalxejn u b’hekk daħlu d-direttivi.

Xi jgħidu d-direttivi?

Id-direttivi li daħlu fis-seħħ fil-14 ta’ Ġunju u li huma direzzjonati lill-infermiera u l-qwiebel li jaħdmu fl-Obsterics Wards 1, 2 u 3 huma dawn:

  1. Li ma jgħinux fil-ħasil tal-pazjenti,
  2. Li ma jipparteċipawx f’visti tas-swali,
  3. Li ma jagħmlux qadi barra mill-post tax-xogħol,
  4. Li ma jipparteċipawx fit-trasferiment tal-pazjenti minn sala għall-oħra ħlief għal-ommijiet li welldu jew se jwelldu u emerġenzi ostretiċi,
  5. Li ma jagħmlu l-ebda xogħol klerikali,
  6. Li ma jagħmlux użu minn kompjuters jew apparat simili,
  7. Li s-sigħat tal-visti tal-irġiel/partners għandhom ikunu restritti bejn l-10am u t-8pm,
  8. Li s-sigħat tal-visti tal-qraba għandhom ikunu restritti bejn l-4pm u s-7pm.