Higuain jaċċetta li jissieħeb b’self ma’ AC Milan

Kien hemm bosta trasferimenti fis-Serie A matul il-ġimgħat li għaddew u l-aħħar plejer rinomat li mistenni jbiddel il-klabb huwa Gonzalo Higuain. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar ir-rappreżentant tal-attakkant stqarr li Higuain jixtieq jibqa’ ma’ Juventus minkejja l-wasla ta’ Cristiano Ronaldo. Madanakollu, rapporti minn Sky Sports jindikaw li l-eks plejer ta’ Napoli li għandu 30 sena aċċetta li jingħaqad ma’ AC Milan.

It-trasferiment b’self mistenni jiswa madwar €18m u Milan għandhom iċ-ċans li jixtru lil Higuain matul is-sajf li ġej għal €36m. Il-ftehim bejn iż-żewġ klabbs tas-Serie A jista’ jkun li jinkludi r-ritorn ta’ Leonardo Bonucci ma’ Juventus. Id-difensur tal-Italja ngħaqad ma’ Milan fil-bidu tal-istaġun l-għadda iżda issa jidher li se jmur lura mar-rebbieħa tas-Serie A.