Ħidmet it-tim Malti tal-handball tan-nisa jħalli l-frott

Fi tmiem il-ġimgħa t-tim nazzjonali tal-handball tan-nisa attenda għal kamp ta’ taħriġ f’Erice Sqallija. Huma lagħbu żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra t-tim ta’ Erice stess. It-tim ta’ Erice m’ilux li ngħaqad biex jikkompeti fl-istaġun tal-handball ta’ din is-sena.

It-tim hu magħmul minn varjetà ta’ plejers li wħud minnhom kienu jilagħbu f’xi tim nazzjonali u oħrajn li lagħbu fl-ogħla diviżjonijiet.

In-nisa Maltin taw wirja tajba fl-ewwel logħba iżda tilfu bl-iskor ta’ 40-27. Fit-tieni logħba li ntlagħbet is-Sibt, il-Maltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 27-28. Apparti li t-tim Malti wera determinazzjoni u lagħab b’mod magħqud, it-tim ħa l-opportunità biex fil-logħob ippprova sistemi ġodda ta’ difiża.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball kellha kliem ta’ tifħir għall-prestazzjonijiet u għax-xogħol imwettaq mit-tim tul il-kamp ta’ taħriġ.