Aġġornata bil-Filmat: Ħidma volontarja f’Jum għar-Responsabbilità Soċjali Korporattiva

Għal madwar 500 impjegat il-jum tal-lum qattgħuh f’ħidma ta’ volontarjat. Waħda minn dawn id-djar li bbenefikat mill-ħidma volontarja kienet Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan.

Dawn il-500 impjegat minn tminn kumpaniji differenti taw sehemhom f’xogħol volontarju b’risq diversi djar tal-Knisja għat-tfal, żgħażagħ, nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, persuni b’diżabbilta`, u persuni li qed jagħmlu l-programm ta’ riabilitazzjoni kontra l-użu tad-droga. Dan kien jikkonsisti f’żebgħa, tibjid, manutenzjoni u ġardinaġġ, kif ukoll ħjata ta’ purtieri. Din il-ħidma ta’ volontarjat saret illum li matulha kien iċċelebrat il-Jum għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR Day). F’Għawdex, grupp ta’ voluntiera wettqu ħidma fl-Arka Respite Centre.

L-Aġent President Dolores Cristina sostniet li l-Knisja minn dejjem kienet kontra kull faqar eżistenti. Hija kompliet tgħid li l-Knisja ukoll dejjem ippruvat tiġġieled dan il-fattur.

L-Aġent President ta’ Malta Dolores Cristina, l-Arċisqof Paul Cremona u l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli żaru l-voluntieri u rringrazzjawhom ilkoll għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lil din il-kawża ġusta.