Ħidma għad-djalogu u l-paċi fl-Art Imqaddsa

Membri tal-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales għal-Laqgħa fl-Art Imqaddsa

 Isqfijiet minn madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti f’dawn il-jiem qed jiltaqgħu fl-Art Imqaddsa biex jippromwovu d-djalogu u l-paċi filwaqt li jiffukaw il-ħidma pastorali tagħhom mal-insara f’Gaza, il-Lvant ta’ Ġerusalemm u Ramallah.

Din iż-żjara annwali ilha ssir 20 sena fuq stedina tas-Santa Sede bl-iskop li jżuru u jgħinu l-komunitajiet insara fl-Art Imqaddsa li qed jesperjenzaw ir-realtajiet soċjali uekonomiċi tal-ġajja f’Israel u l-Palestina.

L-isqfijiet se jkunu bażati f’Ramallah u jagħmlu lejl f’Gaza. Nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar se jiċċelebraw Quddiesa mal-komunità nisranija żgħira ta’ Gaza.

Din is-sena, il-Gvern ta’ Israel ma ħalliex lill-insara ta’ Gaza jżuru Betlehem jew lil qrabathom fix-Xatt tal-Punent. Għalhekk l-Isqfijiet iddeċidew li jmorru huma Gaza biex juru lill-komunità nisranija żgħir tal-post, li m’hix minsija u flimkien jitolbu għall-waqfien mill-ġlied.

Dan il-ġest ta’ solidarjetà se  jkun segwit minn żjara f’Dar il-Paċi li titmexxa mill-Missjunarji tal-Karità; laqgħat maż-żgħażagħ; żjarat lil parruċċani nsara u viżta pastorali lill-morda tal-komunità.

L-Isqfijiet mistennija jiltaqgħu wkoll ma’ żgħażagħ f’Ġerusalemm u Ramallah biex jisimgħu l-esperjenzi u t-tamiet tagħhom meta qed jgħixu f’soċjetà mifruda.  L-Arċisqof Pizzaballa, Amministratur Apostoliku tal-Patrijarkat ta’ Ġerusalemm u n-Nunzju, l-Arċisqof Girelli  se jiltaqgħu mal-grupp ta’ Isqfijiet biex flimkien jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti f’dawn l-inħawi.

Barra laqgħat li hemm ippjanata ma’ uffiċjali Palestinjani u Israeljani, l-Isqfijiet mistennija jżuru wkoll  Ġerusalemm tal-Lvant u lis-Sorijiet Comboni ta’ Betanja kif ukoll numru ta’ skejjel u parroċċi f’Ramallah.