Ħidma ġdida ta’ tfittxija u salvataġġ fil-Mediterran

L-Organizazzjoni Médecins Sans Frontières l-MSF u l-Migrant Offshore Aid Station l-MOAS niedew ħidma konġunta ta’ tfitxxija u salvataġġ fil-Mediterran.
Intqal li dan qed isir sabiex jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Din il-ħidma se tinkludi ħidma ta’ sorveljar u ta’ salvataġġ fil-Mediterran bejn ix-xhur ta’ Mejju u Ottubru, meta eluf ta’ persuni jirriskjaw ħajjithom biex jippruvaw jaslu sal-Ewropa.
Is-sena li għaddiet kienet waħda mill-iktar snin li tilfu ħajjithom fiha immigranti irregolari. Mat-3,400 persuna mietu waqt li kienu qed jippruvaw jaslu sal-Ewropa.
Din is-sena, l-għadd ta vittmi mistenni jkun aktar għoli hekk kif hemm inqas dgħajjes li qed joffru għajnuna umanitarja lil persuni li jsibu ruħhom f’diffikoltà fil-baħar.
L-Organizazzjoni Médecins Sans Frontières qalet li din il-koperazzjoni hija meħtieġa partikolarment wara li f’Novembru li għadda, twaqqfet l-operazzjoni “Mare Nostrum” tal-missjoni navali Taljana.
L-MSF qalet li kellha tieħu din l-inizjattiva wara li l-Ewropa ma tatx każ ta’ din l-akbar kriżi umanitarja tal-lum.