Ħidma biex titqajjem kuxjenza dwar l-ibħra u x-xtajtiet Maltin

Read in English.

Fil-Jum Dinji għall-Oċeani, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi (KĠP) fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta bdiet ħidma biex tqajjem kuxjenza dwar l-ibħra u xtajtiet Maltin. Din il-ħidma ġiet ispirata mill-pjan ta’ azzjoni fuq livell Ewropew li nediet Justice and Peace Europe dwar il-ġid komuni tal-ibħra.

Fi stqarrija l-KĠP li kkontribwiet fit-tfassil ta’ dokument ta’ pjan ta’ azzjoni, eżaminat il-proposti li fih, filwaqt li analizzat dawk l-oqsma relevanti għal Malta. Fil-ġimgħat li ġejjin, qalet li se tkun qed taħdem sabiex titqajjem iktar kuxjenza filwaqt li tassigura li dawn il-proposti qed jitwettqu.

L-aspetti li l-Kummissjoni se tkun qed tiffoka fuqhom huma:

  • il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fuq il-baħar
  • l-effett tat-tniġġis fuq l-ibħra u x-xtajtiet ta’ Malta
  • l-immigrazzjoni

Il-Kummissjoni spjegat li l-għan aħħari hu biex titqajjem iktar kuxjenza ħalli individwi u komunitajiet jaħdmu flimkien biex itejbu l-ambjent komuni permezz ta’ azzjonijiet sostenibbli, waqt li jassiguraw ġejjieni aħjar għal ġenerazzjonijiet ta’ issa u dawk futuri.

It-temi fid-dokument jittrattaw id-degradazzjoni ambjentali u umanitarja, bħala konsegwenza ta’ snin ta’ abbuż minn dan is-sors umanitarju tant importanti. Id-dokument jipproponi soluzzjonijiet diversi li jistgħu jiġu applikati fuq livelli differenti: minn livell Ewropew sa dak nazzjonali, u jħeġġeġ biex jiġi kkunsidrat pjan ta’ azzjoni bbażat fuq sistema ta’ ekonomija ċirkolari.

L-istqarrijiet tesiġi li l-gvernijiet għandhom ikomplu jsostnu l-impenn tagħhom sabiex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji biex jiġi eradikat l-użu tal-plastik, filwaqt li jkomplu jinvestu f’riċerka ħalli jkun hemm tisħiħ fl-istat tal-ibħra.

Il-KĠP saħqet li dawk li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan il-Knisja, huma msejħa jkunu ta’ eżempju fl-aġir ta’ kuljum tagħhom, kif ukoll billi jqajmu iktar kuxjenza u jaspiraw għall-bidla. Komunitajiet u individwi huma mħeġġa wkoll biex jikkommettu lilhom infushom lejn bidla sostenibbli, ħalli b’hekk ikun hemm tiġdid tal-ħolqien mħolli f’idejna minn Alla.

“Il-pandemija tal-Covid-19 fakkritna li kwistjonijiet lokali għandhom implikazzjonijiet globali qawwija. Kulħadd jista’ jkun parti minn din il-bidla. Permezz ta’ tibdiliet żgħar fl-istil ta’ ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minnha, meta miġbura flimkien, jistgħu jwasslu għat-tisħiħ u t-titjib tal-ambjent fuq livell nazzjonali u dinji”, tistqarr il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi stiednet lil kulħadd, “speċjalment hekk kif fiż-żmien li ġej nibdew immorru iktar il-baħar biex naħsbu li wara s-sbuħija tal-baħar hemm numru ta’ kwistjonijiet ta’ ġustizzja soċjali li aħna msejħa nindirizzaw permezz tal-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Id-dokument sħiħ ta’ Justice and Peace Europe jinsab hawn.