Ħidma biex Malta tiġi rreklamata bħala destinazzjoni fix-xitwa

Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis temm żjara uffiċjali fil-Ġermanja għal sensiela ta' laqgħat fl-uffiċini tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu u tal-Air Malta fi Frankfurt.
Waqt dawn ż-żjarat il-Ministru Zammit Lewis iddiskuta mill-qrib is-settur tat-Turiżmu fir-reġjuni tal-Ġermanja, Olanda u Benelux, Awstrija, Svizzera, Repubblika Ċeka, Slovakja, Polonja, Ungerija, Russja u pajjiżi Skandinavi.
Il-laqgħat żvolġew fuq prodotti għal Malta bħala destinazzjoni fix-xhur tax-xitwa.
Fl-Uffiċini tal-Air Malta ġewwa Frankfurt il-Ministru kellu l-opportunita' jiltaqa' ma’ Martin Frendo li huwa l-kap tal-Uffiċċju Rappreżentattiv tal-Air Malta u mal- ħaddiema li jaħdmu fl-istess uffiċċju.
Fil-Ġermanja il-Ministru Edward Zammit Lewis, attenda għal laqgħat kummerċjali fi Munich ma’ operaturi turistiċi li joperaw lejn u minn Malta.
Fi Munich il-Ministru għat-Turiżmu għamel żjara fil-Kwartieri Ġenerali ta' wieħed mill-akbar operaturi li joperaw lejn Malta, il-Grupp FTI.
Iż-żewġ naħat iddiskutew proġetti li l-grupp qiegħed jippjana għas-snin li ġejjin, fosthom biex jiżdiedu n-numru ta' turisti li jiġu jżuruna fix-xhur tax-xitwa. Il-Ministru Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon għall-ħidma u l-pjanijiet li għandha l-kumpanija għal prodott turistiku Malti.
Il-Ministru flimkien mad-delegazzjoni ħallew il-Ġermanja fi triqithom lejn Londra għall-laqgħat oħra relatati mas-settur turistiku.