Ħidma biex il-kors tal-inġinerija fl-MCAST ikun tal-livell mitlub

Read in English.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li bħalissa għaddejja ħidma biex ikun żgurat li l-kors tal-inġinerija fl-MCAST ikun tal-livell mitlub.

Fi stqarrija kien spjegat kif partikolarment fl-aħħar xhur permezz tal-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija flimkien mal-Kamra tal-Inġiniera, għaddej il-proċess l-istudenti li jiddeċiedu li jsegwu korsijiet fl-inġinerija kemm fl-Università u kemm fl-MCAST ikollhom l-istess opportunità li jieħdu l-warrant u jipprattikaw din il-professjoni, bil-konsegwenza li l-professjoni tkompli tissaħħaħ.

Kien spjegat li biex il-proċess ikun wieħed ġust u ekwu, inġabu l-ASIIN – li huma esperti Ġermanizi – wara sejħa pubblika, biex jevalwaw il-kors u jirrakkomandaw tibdiliet. Dan il-proċess kważi ġie konkluż, u l-Bord tal-Inġiniera flimkien mal-Kamra tal-Inġiniera u l-MCAST jinsabu viċin li jikkonkludu dan il-proċess, li ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn, kieku ma tressaqx mandat ta’ inibizzjoni fuq is-suġġett.

Il-Ministeru qal li jemmen bis-sħiħ f’din il-professjoni u kien għalhekk li ra li tibda l-ħidma neċessarja u jsiru t-tibdiliet. Fost il-bidliet li qed isiru qed jaraw li jkun hemm tibdil fil-livell akkademiku magħmul mill-MCAST. Dan il-proċess qed isir minn aġenzija internazzjonali li hija rikonoxxuta mill-European Network for Accreditation of Engineering Eduaction (ENAEE) bi trasparenza assoluta u anke bis-sehem ta’ stakeholders rikonoxxuti. Dan qed isir biex dan il-kors jirnexxielu jikseb ukoll il-livell tal-kors tal-Università ta’ Malta.

“Minkejja li ġie ppreżentat mandat ta’ inibizzjoni dwar is-suġġett, bħala gvern aħna kommessi li nwasslu dan il-proċess sal-aħħar tiegħu. Inħeġġu biex f’dan il-kas jirrenja s-sens komun u naraw li nissalvagwardjaw din il-professjoni tant bżonnjuża għall-pajjiżna, iżda fuq kollox naraw li l-istudenti tagħna jkollhom opportunitajiet indaqs,” temm jgħid il-Ministeru.

X’ġara qabel?

L-Engineering Profession Bord u l-Kamra tal-Inġiniera għamlu eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-kors tal-MCAST biex jassiguraw li dan huwa skont il-livell neċesserju. Dan iffisser li studenti li qed jagħmlu degree fl-Università ta’ Malta u dawk fl-MCAST ikunu ekwivalment eliġibbli biex japplikaw għal warrant.

Wara sejħa pbblika, il-Gvern ingaġġa lil ASIIN li hija assoċjazzjoni li ma tagħmilx qligħ, iffondata f’Lulju tal-1999. L-aġenzija tipprovdi esperti lill-universitajiet Ġermaniżi u internazzjonali fl-implementazzjoni tal-akkreditazzjoni tal-proċeduri dwar il-programm u l-livell tal-istituzzjoni. Skont is-sit tagħha, l-aġenzija hija waħda mill-aqwa f’dan il-qasam u għandha programmi fl-inġinerija, ix-xjenza naturali, il-matematika, il-computer science u mediċina u ekonomija.

Għal din ir-raġuni, il-gvern spjega li l-proċess li nbeda sentejn ilu qed jasal fi tmiemu u b’hekk tkellem kontra l-mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Engineering Professional Board.

Fl-aħħar jiem, il-Qorti laqgħet talba għal mandat ta’ inibizzjoni mill-union tal-inġiniera kontra l-bord tal-professjoni tal-inġiniera biex ikunu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-inġiniera. Din it-talba segwiet protest ġudizzjarju sottomess minn żewġ membri tal-bord li ddiżassoċjaw ruħhom mill-attitudni li laqqmu abbużiva u diviżiva taċ-chairperson tal-bord. Qalu li dan kien qed jiirrifjuta jew jinjora t-talbiet tagħhom għal informazzjoni u konsultazzjoni.

Wara l-protest ġudizzjarju, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Inġiniera Professjonali (MAPE) kitbet formalment lill-bord tal-inġiniera fejn talbet għal konsultazzjoni dwar il-kord tal-inġinerija offrut mill-MCAST.

Fil-protest ġudizzjarju, l-inġiniera qalu li l-korsijiet tal-MCAST kienu ‘l bogħod milli jkunu ekwivalenti għall-korsijiet fl-Università ta’ Malta u universitajiet Ewropej oħrajn. Qalet li l-attentati kollha biex il-bord ikun konsultat dwar il-kors tal-MCAST, inkluż fejn jidħol it-tibdil neċessarju biex il-korsijiet ikunu fuq l-istess livell, s’issa ġew injorati.

Il-konsultazzjoni hija mandatorja skont il-liġi, u dan kien meqjus mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Novembru meta kkonfermat warrant għal mandat ta’ inibizzjoni mill-MAPE kontra l-bord biex l-emendi proposti għall-professjoni tal-inġinerija jitwaqqfu. Dan wassal biex l-union tapplika għat-tieni mandat ta’ inibizzjoni tagħha.