Ħidma biex il-ħabs isir iżjed aċċessibbli

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità ħabbret li se tħejji rapport iddettaljat biex il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ssir aktar aċċessibbli.
Dan ir-rapport se jsir mill-KNPD wara li saru laqgħat mat-tmexxija tal-ħabs minħabba problemi ta’ nuqqas ta’ aċċessibiltà.
Bħalissa hemm 7 persuni b’diżabilità li huma residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Justyne Caruana qalet li dan l-eżerċizzju huwa turija ċara li l-konvenzjoni u l-liġi għall-opportunitajiet indaqs jiġu rrispettati u għalhekk il-persuni b’dizabilità jingħataw id-drittijiet tagħhom u jiġu trattati b’dinjità.
Diġà saret rampa fl-entratura tal-viżitaturi u rampa oħra barra l-Kappella.
Barra minn hekk, ċella partikolari u diviżjoni ġew immodifikati sabiex isiru aktar aċċessibbli.
Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela qal li attenzjoni partikolari  trid tingħata wkoll lil dawk il-persuni li għandhom diżabilitajiet intellettwali u persuni transgender li bħalissa jinsabu fid-diviżjonijiet tal-irġiel iżda li meta tgħaddi l-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru jkunu jistgħu jagħżlu f’liema diviżjoni joqgħodu.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo