“Ħidma biex fl-ewwel sentejn negozji ma jressqux rapport tal-awditur”

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern qed jinnegozja biex start-ups żgħar ma jkollhomx bżonn jissottomettu rapport tal-awditur fl-ewwel sentejn tagħhom.
Waqt żjara lill-kumpanija Thynk Software flimkien mal-Ministru ta' Għawdex Anton Refalo, il-Ministru Scicluna qal li huwa l-impenn tal-Gvern li jinkoraġġixxi inizjattivi li jnaqqsu x-xkiel amministrattiv lin-negozjanti. Żied jgħid li bil-miżura tal-baġit li tħabbret dan l-aħħar, il-Malta Enterprise tista' tapprova kreditu ta' taxxa għal start-ups, ekwivalenti għal 45% tal-ispiża eleġibbli. Start-ups f'Għawdex jibbenefikaw minn 65% ta' kreditu ta' taxxa. 

Il-fundatur ta' Thynk Software, Marlon Grech qal li fetaħ il-kumpanija waħdu, u llum tikkonsisti f'tim ta' 10 persuni bi dħul annwali ta' $1 miljun. Spjega li qabel ma' beda n-negozju tiegħu, kien waqqaf uffiċċju f'Malta għall-kumpanja internazzjonali li toffri konsulenza.
Grech spjega li Thynk Software għandha l-għan li toħloq prodotti li jgħinu lin-nies u ssolvi problemi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta' kuljum.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Refalo qal li din l-istart up hija konformi mal-ħidma tal-Gvern li jattira investiment ekonomiku ġdid f'Għawdex.
Ritratt: MGOZ – George Scerri