Hi missjoni tal-Knisja li tikkundanna l-korruzzjoni

Il-korruzzjoni qed issir stil ta' ħajja

Il-korruzzjoni bħal kankru li jinfirex fil-livelli kollha tas-soċjetà – mill-gvern lokali, il-pulizija, l-armata, il-ġudikatura u l-fergħat leġislattivi u eżekuttivi tal-Gvern.

Għal ħafna nies il-korruzzjoni ma għadhiex tissorprendihom. Saret stil ta’ ħajja li ħafna jikkunsidrawha xi ħaġa normali.

Konxjament jew le, xi membri tal-kleru u reliġjużi saru benefiċjarji permezz ta’ donazzjonijiet minn dawk imdaħħla fil-korruzzjoni. Mil-lat morali, in-nisrani u n-nies tal-Knisja kif għandhom iħrasu lejn il-korruzzjoni?

L-ewwel u qabel kollox il-korruzzjoni hi att personali b’konsegwenzi soċjali.  Hi forma ta’ serq li ġej mir-regħba għall-ġid u l-poter. Flus li suppost jintużaw għall-benefiċċju tal-poplu – partikolarment il-fqar – jispiċċa fil-bwiet ta’ uffiċjali governattivi korrotti u ħbiebhom.

Il-korruzzjoni tista’ twassal għall-mewt jew ħsara fil-proprjetà meta uffiċjali governattivi korrotti iħallu min jeqred l-ambjent li jwassal għall-bdil fil-klima, kontaminazzjoni fl-arja jew diżastri naturali oħra.  Tista’ tassal għall-qtil meta min hu korrott jippruvaw isikktu lil dawk li jikxfu l-korruzzjoni tagħhom. Il-korrotti jispiċċaw jitilfu ruħhom anke jekk jippruvaw jidhru bħala qaddisin.

Il-korruzzjoni m’hix biss att personali – dnub personali li għandu konsegwenzi soċjali li jagħmlu l-ħsara. Hi wkoll il-manifesazzjoni ta’ dnub soċjali.  Id-dnub ma jinstbx biss fil-qlub tal-individwi, imma hu minsuġ fis-sistemi u l-istrutturi tas-soċjetà – fl-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali. Saret stil ta’ ħajja. Parti mill-kultura. Saret l-ambjent dominanti f’ħafna soċjetajiet.

Hekk nispiċċaw f’sistema, struttura jew sitwazzjoni korrotta u tad-dnub. Dawk li jaħdmu fis-sistema, x’aktar jispiċċaw korrotti – speċjalment jekk m’għandhomx kuxjenza morali u integrità. “Kulħadd hekk qed jagħmel. Allura nista’ nagħmel hekk jien ukoll”. Din hi l-ġustifikazzjoni.  Hemm  pressjoni li jistgħu jitilfu l-impjieg jekk jirrifjutaw li jikkooperaw jew jitilfu ħajjithom jekk jikxfu dawn l-anomaliji.

Dan hu l-kontenut ta’ Ittra Pastorali ntitolata “M’għandekx tisraq” li permezz tagħha l-Konferenza Episkopali tal-Filippini kkundannat il-korruzzjoni. “Il-korruzzjoni – fi kliem sempliċi, li tisraq lill-poplu billi tuża ħażin il-pożizzjoni u l-influwenza tiegħek – sar ħaġa normali fil-ħajja pubblika tan-nazzjon,” qalu l-Isqfijiet.

Is-serq minn fondi pubbliċi ifisser “aktar ikel misruq minn ħluq imġewwħa, aktar ktajjen li jorbtuna u jgħaddsuna aktar fil-faqar li qed nitkarrbu biex noħorġu minnu. Fiċ-ċirkostanzi preżenti,  dan hu dnub mejjet kbir,” żiedu l-mexxejja tal-Knisja Filippina.

Hi parti mill-missjoni profetika tal-Knisja li tikkundanna l-korruzzjoni bħala moralment ħażina u dnub soċjali. Hu dover tal-Knisja li ssejjaħ in-nies għall-konverżjoni personali. Dan hu l-frott tal-Evanġeliżazzjoni l-ġdida.