Ħġieġ mal-art u dmija jisfrattaw serqa

Il-Pulizija taqbad fil-fatt lil żewġ ħallelin fil-Marsa u l-Qawra

Unsplash

Żewġ żgħażagħ ġew arrestati mill-Pulizija ftit minuti biss wara li wettqu żewġ serqiet fil-Marsa u fil-Qawra.

Għall-ħabta tas-2am, il-Pulizija tal-Ħamrun waqt ronda fl-akwati ta’ Triq Telgħet il-Ġiżwiti fil-Marsa, innutaw ħanut tal-merċa bix-shutter sgassat u bid-dawl mixgħul. Hekk kif waqfu, innutaw xi ħġieġ mal-art u xi dmija. Kif ittawlu għal ġewwa, raw żagħżugħ liebes hoodie, jipprova jaħrab lejn in-naħa ta’ wara tal-ħanut. Ġie identifikat bħala Libjan ta’ 17-il sena. Minn tfittxija fuqu, il-Pulizija sabu borża tal-plastik mimlija muniti u oġġetti oħra.

Fit-tieni każ, Malti ta’ 19-il sena, residenti l-Ħamrun kien arrestat wara li kien għadu kemm seraq flus kontanti mingħand delivery person fi Triq il-Qawra. Il-każ seħħ il-bieraħ għall-ħabta tal-4pm. Il-vittma hu raġel ta’ 26 sena minn Birkirkara li jwassal l-ordnijiet tal-ikel fid-djar. Huwa ġie avviċinat minn raġel li talbu biex isarraflu xi flus, u malli l-vittma ħareġ xi flus mill-but, iż-żagħżugħ ħatafhomlu u ħarab lejn blokka ta’ appartamenti fl-istess triq. Il-Pulizija daħlu fil-blokka indikata mill-vittma u arrestaw lill-allegat ħalliel.

Iż-żewġ żgħażagħ se jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea.

Żewġt irġiel oħra tressqu l-Qorti dalgħodu b’rabta ma’ erba’ hold-ups fuq delivery persons: