Heynckes jinħatar kowċ ta’ Bayern Munich

Personaġġ illi m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni huwa l-Ġermaniż Jupp Heynckes, kowċ ta’ esperjenza li kull fejn mar rebaħ kważi kollox. Fl-età ta’ 72 sena hu se jkollu joħroġ mill-irtirar sabiex jerġa’ jsir kowċ ta’ Bayern Munich wara nuqqas ta’ erba’ snin.
Heynckes jibqa’ mfakkar fl-istaġun 2012-2013 meta għen lill-klabb mill-Bavarja jirbaħ it-treble jiġifieri l-Kampjonat, it-Tazza Ġermaniża u ċ-Champions League.
Wara li Bayern Munich keċċew lil Carlo Ancelotti, id-diriġenti Ġermaniżi kienu qed ifittxu sostitut għalih u għalhekk marru għall-esperjenza ta’ Heynckes.
Għal dawn l-aħħar ġranet it-tim kien qed jitmexxa minn Willy Sagnol. Heynckes se jiddebutta ma’ Bayern Munich fil-partita tal-kampjonat wara l-waqfa internazzjonali kontra Freiburg.