Herrera jordna azzjoni kontra l-fish farms

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddirezzjona lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lid-Dipariment tas-Sajd biex jieħdu passi kontra l-fish farms li ma kienux qed jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-permess tagħhom.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent qal li fl-aħħar jiem diversi żoni madwar in-naħa t’isfel ta’ Malta ġew affettwati b’mod negattiv minħabba materjal ġej mill-fish farms li nfirex mal-kosta.

Il-Ministeru qal li jikkonferma li l-ħmieġ kien ġej minħabba l-industrija tat-tonn. Spjega li “dan gie konkluż wara li d-Dipartiment tas-Sajd u l-ERA għamlu l-investigazzjonijiet meħtieġa bi spezzjonijiet li saru anke madwar il-gaġeġ tat-tonn.”

Il-Ministeru qal li “l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni turi biċ-ċar illi diversi kundizzjonijiet tal-permess ma kienux qed jiġu rispettati mill-operaturi tal-fish farms”.

Il-Ministeru qal li fejn gie identifikat illi operaturi tal-fish farms ma ħadux azzjoni biex jimmitigaw il-ħruġ ta’ żjut u materjal ieħor, diġà ttieħdu miżuri immedjati fejn l-istess operaturi twaqqfu milli jkomplu jagħlfu l-ħut sakemm ma jimplimentawx il-miżuri neċessarji sabiex jiġu konformi mal-kundizzjonijiet tal-permess.

Intqal li l-federazzjoni li tiġbor fi ħdana numru ta’ operaturi kkomettiet mal-Gvern li se tkun qed tara li din il-miżura tiġi implimentata.

Fl-aħħar jiem dehru numru ta’ ritratti fuq il-midja soċjali li juru ħmieġ ġej mill-fish farms fil-bajjiet Maltin li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jirrapporta.

Fis-sajf tal-2016, ammont kbir ta’ skart, żejt u fdalijiet mill-gaġeġ tat-tonn spiċċaw mal-kosta tal-Grigal ta’ Malta, l-aktar ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Dan kien wassal biex il-baħar ma baqax tajjeb għall-għawm.