Herrera jitlob laqgħa urġenti ma’ Mizzi dwar “kummenti razzisti”

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera talab għal laqgħa urġenti ma’ Maurice Mizzi, li kien innominat bħala Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri mill-Prim Ministru Joseph Muscat, dwar kummenti li 31 NGO sejħulhom “razzisti.” Il-Ministeru ddiżassoċja ruħu minn dawn il-kummenti.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-kummenti li għadda Mizzi ma jirriflettux il-viżjoni tal-Gvern, inkluż dik tal-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri. Herrera talab għal laqgħa miegħu sabiex jikkjarifika s-sitwazzjoni.

Aqra: “Il-kummenti ta’ Mizzi huma razzisti” – NGOs

Nhar il-Ħadd li għadda, fi stqarrija, l-organizzazzjonijiet qalu li Mizzi donnu qed jinsa r-responsabbiltà li għandu fl-irwol li ngħatalu xi snin ilu. Huma sostnew li l-punt essenzjali biex ikun hemm żvilupp fil-ġenerazzjonijiet futuri hija l-paċi. Qalu wkoll li mhux minnu li xi twemmin reliġjuż partikolari jista’ jitqies bħala ostaklu għall-iżvilupp tal-pajjiż. Dan id-diskors iġib il-mibegħda, xi ħaġa li diġà qiegħda preżenti f’pajjiżna u rridu nassiguraw li ma tkomplix tiżdied, temmew jgħidu l-NGOs.

Huma talbu għal riżenja b’mod immedjat ta’ Mizzi jew biex il-Prim Ministru li jneħħih mill-kariga tiegħu.