Herrera jgħid li ma kellu l-ebda laqgħa biex jiżdied it-tonn  

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ċaħad li kellu laqgħat ma’ individwi biex tiżdied il-kwota tat-tonn tagħhom b’elf kilo. Waqt li kien qed wieġeb numru ta’ mistoqsijiet parlamentari supplementari tad-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, il-Ministru Herrera qal li kif intqal fir-risposta bil-miktub, hu ma jiltaqa’ ma l-ebda individwu u l-kwota tat-tonn qatt żdiedet b’ 1,000 kilo.

Vassallo staqsa jekk skont kif qed jiġi rrappurtat li ndividwu partikulari  kien qal li kellu jiltaqa’ mal-Ministru, kienx hu l-Ministru li aċċetta li jiltaqa’ miegħu u li riżultat ta’ dik il-laqgħa bejnu li l-kwota tat-tonn żdiedet għall 4,000kg minn 3,000kg.

Fuq insistenza ta’ Vassallo, Herrera wieġeb li hu ma ta l-ebda żieda fil-kapaċita’ tal-permess operativ tat-tonn.

Vassallo staqsa lill-ministru jekk kienx se jerfa’ ir-responsabbilta’ politika wara li l-kumitat tat-tonn kien għadu ma ġietx iffurmat mill-elezzjoni l’hawn.

Herrera ammetta li l-kumitat tat-tonn kien għadu ma ġiex iffurmat mill-elezzjoni l’hawn iżda qal li dan ma kellu l-ebda funzjonijiet operattivi jew investigattiv, kien sempliċement kumitat konsultattiv li l-kompożizzjoni tiegħu kienet diffiċli għaliex hi magħmula mill-kummerċanti tal-ħut li jixtiequ jagħmlu parti minnu u l-għaqdiet tal-ħut li ma jarawx għajn m’għajn, fost oħrajn.

“L-ewwel trid tara x’inhu dan il-kumitat. Dan hu bord b’poteri minimi ħafna u xogħlu hu li jipproponi ideat lis-Segretarju Parlamentari. Kull bord jirreżenja wara kull elezzjoni u għandhom jiġu appuntati mill-aktar fis possibbli. Fil-ministeru hemm xejn inqas minn 50 bord u mhux parti li tappuntahom f’daqqa,” hu stqarr.

Fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Herrera qal li x’ħin sar ministru irċieva ilmenti dwar il-kwoti tat-tonn u ordna inkjesta ministerjali interna. L-inkjest tmexxi Dr. Paul Cachia li wasslet għal konklużjonijiet li kien hemm bżonn numru ta’ bidliet tekniċi li kollha ġew impliment fosthom kif jitkejjel id-daqs tal-ħut.

Il-Ministru qal ukoll li wara li l-Kummissjoni Ewropea għamlet audit tal-fish farms Maltin f’Ottubru li għadda, u sabu ukoll ‘a number of shortcomings’ u sar pjan ta’ azzjoni biex jiġu mplimentati r-rakomandazzjonijiet li saru.

Huwa qal ukoll li illi kull diskrepanza jista’ jiġi klassifikat bħala li hemm potenzjalment attività illegali. Id-dipartiment kien qieghed jimplimenta numru ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jigi determinat jekk hemmx diskrepanza fl-ammont ta’ tonn misjub ġol-gaġġeġ minn dak iddikjarat mill-operaturi.