Heritage Malta tixtri l-ittra li bagħat Napuljun b’ordni biex jinvadu lil Malta

Heritage Malta għadha kemm akkwistat l-ittra li biha Napuljun Bonaparti ta l-kmand lill-Ġeneral Desaix biex jiġbor il-flotta tiegħu u jibda jippjana l-invażjoni ta’ Malta, li sal-1798 kienet għadha taħt it-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

L-Aġenzija Nazzjonali għall-Wirt Kulturali xtrat din l-ittra fi rkant organizzat mill-irkantaturi rinomati Sotheby’s b’€60,000 minn fondi nazzjonali. L-ittra issa għaddejja mill-proċess biex tasal Malta.

Liam Gauci, il-kuratur prinċipali tal-Mużew Marittimu, qal li din l-ittra għandha importanza storika kbira għal Malta, peress li “Fiha, wieħed jista’ josserva wkoll l-istil militari strateġiku ta’ Bonaparti fl-aqwa tiegħu, propju qabel il-kampanja tiegħu fl-Eġittu.”

Il-Ministru għall-Wirt Kulturali José Herrera qal li minħabba din l-importanza ta’ dan id-dokument fl-istorja ta’ Malta, ingħatat prijorità lill-akkwist tiegħu.

Ladarba jitlesta r-restawr fil-Mużew Marittimu fil-Birgu, l-ittra se tkun esebita fih, peress li l-kampanja ta’ Bonaparti lejn Malta u l-Eġittu kellha waħda mill-ikbar flotti navali li qatt kellu l-Mediterran. Dan ġie spjegat mid-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar. Min-naħa tiegħu, Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, stqarr li “L-ittra ta’ Napuljun tirrappreżenta pass kruċjali fl-istorja moderna tan-nazzjon Malti u se takkumpanja perfettament it-tifkiriet ta’ Ċensu Borg Brared, li nxtraw is-sena li għaddiet.”