Ħerba fi Spanja kawża tal-maltemp

Reuters

Maltempata laqtet il-Lvant ta’ Spanja ħalliet ħerba fl-għelieqi tar-ross qrib ix-xmara Ebro fin-Nofsinhar ta’ Barċellona.

Din il-maltempata bl-isem ta’ Gloria ħalliet ħames persuni mejta u kisret diversi bajjiet u toroq kif ukoll kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku. L-ilma baħar kkawża ħafna ħsara fil-bajjiet ta’ Barċellona, Valencia u l-Gżejjer Baleariċi.

Is-Sindku tar-reġjun ta’ Delta qal li qatt ma esperjenzaw dan it-tip ta’ maltemp u ħsara. Żied li l-ilma għerreq madwar 30km2 ta’ għelieqi tar-ross.

Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet ta’ Barċellona wissew li huwa perikoluż ħafna li dgħajjes ikunu fil-baħar. Il-mewġ qed jogħla madwar 7 metri u huwa rrapurtat li għerqet dgħajsa.

Sadanittant f’Avila fil-Majjistral ta’ Madrid huwa rrapurtat li niżel silġ qawwi tant li wassal biex it-Tnejn li għadda ngħalaq l-Ajruport ta’ Alicante. Raġel ta’ 63 sena miet wara li nqala’ l-madum tas-saqaf kawża tal-maltemp. F’Valencia mara ta’ 54 sena li kienet tinsab mingħajr saqaf fuq rasha mietet minħabba l-kesħa.