“Ħeqq, m’hemmx x’tagħmel” – l-akkużat fil-każ ta’ Simon Schembri

Ġuvni ta’ 17-il sena li tajjar uffiċjal tal-Pulizija u kaxkru għal diversi metri u kkawżalu ġrieħi serji, qal “Ħeqq m’hemmx x’tagħmel” meta sar jaf li seta’ qatel uffiċjal tal-Pulizija.

Il-ġuvni qed ikun akkużat b’attentat ta’ qtil tal-uffiċjal Simon Schembri li tilef idu l-leminija u kellu xorti li ma tilifx ħajtu, kif ukoll b’46 akkuża oħra. Huwa diġà tressaq il-Qorti u kien inżamm taħt arrest.

Dalgħodu fil-Qorti n-numru ta’ akkużi żdiedu u qed jinkludu hit and run, sewqan tal-Mercedes mingħajr assigurazzjoni u pjanċa falza. L-avukat difensur qal li minħabba li se jerġgħu jibdew il-proċedimenti huwa qed jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti għal darb’oħra ċaħdet dan.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sema’ kif l-uffiċjal tal-pulizija fil-kamra tal-kontroll semgħet kif Schembri talab għal liċenzja tal-akkużat u kif dan saq il-karozza u telaq.

Il-Prosekuzzjoni ressqet numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija involuti fl-arrest biex jixhdu fil-każ. U hawnhekk, meta wieħed mill-uffiċjali qal lill-akkużat li hu seta’ qatel lil Schembri, huwa wieġeb li ma kienx hemm x’tagħmel.

L-uffiċjali tal-Pulizija l-oħrajn irrimarkaw li l-akkużat ma wera l-ebda dispjaċir ta’ għemilu. Huma tkellmu wkoll dwar il-ġrieħi gravi li sofra Schembri fosthom l-id li kellha tinqata’ u l-għadam ta’ sidru li kien jidher.

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li waqt il-ħin tal-arrest l-akkużat ma kellu l-ebda sinjali ta’ taser fuq ġismu.

Tabib li kien preżenti xehed fil-Qorti u qal li kieku ma sarx intervent f’waqtu Schembri kien jitlef ħajtu.

Il-każ se jkompli għada u Simon Schembri se jixhed ix-xahar li ġej.