Henley & Partners u Cambridge Analytica aktarx “b’manuvri illeċiti” f’pajjiżi żgħar bl-iskema tal-passaporti

Pajjiżi żgħar b-iskema tal-bejgħ tal-passaporti jista’ jkun qed jiġu mmanipulati minn organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżi kbar u żviluppati sabiex jagħmlu l-miljuni u jikkomplottaw attivitajiet illeċiti.
Din hija waħda mill-konklużjonijiet tal-ġurnalist Freddy Gray, li fi blogg ewlieni f’The Spectator jislet rabta bejn l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica u ċ-Ċermen ta’ Henley & Partners, Dr Christian Kalin.
Il-każ ta’ Cambridge Analytica, kumpanija tad-dejta li tiġbor u tanalizza informazzjoni biex tgħin lill-politiċi jirbħu l-elezzjonijiet, ġie żvelat minn wieħed mill-ħaddiema, Chris Wylie, li qal li l-kumpanija użat l-informazzjoni personali ta’ 50 miljun membru ta’ Facebook biex tinfluwenza r-riżultati tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti u r-referendum tal-Brexit, fost l-oħrajn.
Minn dakinhar li tkellem il-kumpanija keċċiet lil Wylie.
Fil-blogg tiegħu Gray jiżvela li ċ-Ċermen ta’ Henley & Partners, il-kumpanija li tieħu ħsieb l-iskema Maltija taċ-ċittadinanza b’investiment, 10 snin ilu kien ikkorrisponda b’imejls u għamel ħbieb ma’ Alexander Nix, il-Kap Eżekuttiv ta' Cambridge Analytica, sabiex fi kliemu “Nifhmu aħjar ix-xena politika fil-Karibew”.
Dak iż-żmien Strategic Communications Laboratories (SCL), li hija l-kumpanija omm ta’ Cambridge Analytica, kienet mexxiet kampanja ta’ suċċess fil-gżira żgħira fil-Karibew ta’ St.Kitts and Nevis waqt il-kampanja elettorali tal-2010.
Dil-gżira kienet l-ewwel waħda li daħħlet l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, u l-iskema kienet immexxija minn Henley & Partners.
SCL wettqet prattiċi illeċiti f’din l-elezzjoni, liema prattiċi nkixfu l-ġimgħa l-oħra minn Nix stess meta faqqa’ l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica.
Għalkemm Henley & Partners jgħidu li ma jindaħlux fil-politika, imejls li ra l-ġurnalist ta’ The Spectator juru li Kalin għadda pariri lil kandidat f’elezzjoni f’St Vincent and the Grenadines, nazzjon fil-Karibew ukoll.
Il-ġurnalist jargumenta li għalkemm dawn il-pariri mhumiex illegali, jistgħu jaħbu tattika sħiħa warajhom, jiġifieri li Henley and Partners jgħinu lil kandidat jirbaħ elezzjoni biex b’hekk wara jikkonvinċuh jagħmel l-iskema tal-passaporti tagħhom. Fl-istess ħin SCL, il-kumpanija omm ta’ Cambridge Analytica, tkun tista’ titlob ammonti eżorbitanti ta’ flejjes lill-kandidat jew il-partit sabiex tmexxilu l-kampanja elettorali tiegħu.
Il-blogg jkompli billi jsemmi l-kuntratt ta’ Henley & Partners ma’ Malta, u jiddeskrivih bħala “l-aktar wieħed kontroversjali”.
Ifiehem li hu kontroversjali għax joffri ċ-ċans anki lil persuni b’rekord kriminali li jakkwistaw il-passaport, ladarba l-applikant ikun għadu jista’ jitpoġġa taħt skrutinju mill-Gvern Malti.
Il-bużillis qiegħed għall-fatt li peress li Malta hi fl-UE, passaport Malti jiftaħlek aċċess għal kull pajjiż ieħor fl-UE.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet fi blogg tagħha li ċ-Ċermen ta’ Henley & Partners, Kalin, kien talabha tneħħi kitbiet tagħha fejn issemmih, li qieshom bħala defamatorji.
Caruana Galizia kienet weġbitu li Malta mhix St. Kitts and Nevis.
Fir-ritratt: Iċ-Ċermen ta' Henley and Partners, Christian Kalin, (xellug) u l-Kap Eżekuttiv ta' Cambridge Analytica, Alexander Nix (lemin).