Hemm soluzzjoni għall-problemi tat-traffiku?

Ritratt: Miguela Xuereb

Grupp ta’ esperti qed jiddiskutu l-problemi tat-traffiku f’Malta waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt.

Il-Ministru Ian Borg, Ministru tat-Trasport, il-Perit Toni Bezzina, Kelliemi dwar it-Trasport f’isem l-Oppożizzjoni, il-Perit David Xuereb, il-President tal-Malta Chamber of Commerce, Prof. Maria Attard, esperta fis-suġġett, Michelle Attard Tonna (mill-Bicycle Advocacy Group), Nadine Mercieca (ERA), Konrad Pule (mill-Malta Public Transport), Sabastian Ripard (CEO Bolt) u Matthew Bezzina (CEO eCabs) huma fost il-kelliema.

“Sistema ta’ underground m’għandhiex tiġi skartata”L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna għamel l-introduzzjoni u stqarr li mhux ta’ min jiskarta l-idea, li Malta tiżviluppa sistema ta’ trasport bl-underground li tkun effiċjenti u sostenibbli. Filwaqt li rrimarka li forsi din hi xi ħaġa wisq utopika, jemmen li m’għandniex nitraskuraw dawn l-ideat innovattivi. Mons. Scicluna insista dwar il-ħtieġa li ninvestu fi trasport li l-użu tal-enerġija tiegħu ġejja mill-elettriku u li jinġġeż inqas.

80,000 jiggwadanjaw minn trasport b’xejn – Il-Ministru Ian Borg

Il-Ministru Borg qal li l-pandemija ippermettitilna nirriflettu iżda ħadd ma jrid jerġa’ jmur għal żmienha u issa bħala pajjiż irridu naraw kif se nadattaw it-trasport għan-normalità l-ġdida. Huwa semma li t-trasport huwa settur li qed jingħata l-importanza tiegħu u li tajjeb li niddiskutu. Huwa qal li wieħed mil-legati li jixtieq iħalli huwa proġett għat-trasport tal-massa li jinkludi l-metro li se jitqiegħed għad-diskussjoni. Se jkun hemm żgur, qal il-Ministru, diskussjoni wiesgħa. Is-sena li għaddiet kien hemm 60,000 persuna li ggwadanjaw minn trasport pubbliku b’xejn. Din is-sena se jkun hemm 80,000 persuna li jiggwadanjaw, qal il-Ministru. Huwa semma wkoll li l-użu ta’ laneċ kellu suċċess iżda jeħtieġ li jiżdied.

Il-Gvern għandu juża karrozzi jaħdmu bl-elettriku – Toni Bezzina, PN

Il-Perit Toni Bezzina, kelliem għall-Oppożizzjoni dwar it-trasport qal li l-kumpaniji privati għandhom idaħħlu kunċett ta’ użu ta’ trasport kollettiv għall-impjegati tagħhom waqt li l-Gvern għandu jbiddel il-karrozzi li jintużaw minnu għall-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku. Bezzina stqarr li l-ispejjeż indiretti tat-trasport skont studju ppubblikat fl-2015, jammontaw għal €315 miljun fis-sena waqt li 40% tan-nies huma affettwati mit-tniġġis tal-arja. Huwa fakkar li biex jitnaqqsu l-problemi fl-2016 l-Oppożizzjoni kienet għamlet il-proposta għal metro. Dak iż-żmien, qal Bezzina, kien hemm min tbissem iżda llum il-Gvern qed jipproponi l-idea.

Normalità aħjar mhux normalità ġdida – Perit Xuereb

Għandna nitkellmu dwar konnettività aktar milli fuq trasport, qal il-Perit David Xuereb il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ. Huwa semma kif il-konnettività llum hija differenti minn kif kienet waqt il-pandemija u qal li ma għandniex immorru lura għal kif konna nagħmlu l-konnettività aħjar. Semma li aktar milli nitkellmu dwar normalità ġdida, għandna nitkellmu dwar normalità aħjar u fi kliemu, biex dan isir irid ikun hemm aktar tmexxija għaqlija minn dawk kollha f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-kummerċ, Gvern u fl-oqsma kollha.

“Importanti li jkun hemm aktar spazji għan-nies” – Pulè, MPT

In-nies tinteressahom l-effiċjenza biex jaslu minn post għall-ieħor, qal Konrad Pule, Maniġer Ġenerali tal-Malta Public Transport. Hemm 65% tan-nies li għandhom trasport privat iżda ġieli jużaw it-trasport pubbliku filwaqt li 70% ta’ dawk li jużaw it-trasport huwa nies lokali.

Neħħejna ħafna mill-possibiltà li n-nies jimxu fit-toroq – Prof. Maria Attard

Prof. Maria Attard, esperta fil-qasam tat-trasport, qalet li għadna naħsbu wisq fuq infrastruttura u proġetti kbar meta l-infrastrutturi tagħna għad għandhom x’joffru biex itaffu l-problema. Hija qalet li mid-Disgħinijiet ilhom jittieħdu deċiżjonijiet li minħabba fihom qed innaqqsu l-livell ta’ mixi minn nies. Semmiet bħala eżempji t-tneħħija tal-bankini, il-bini ta’ bankini żgħar iżżejjed, iż-żieda tal-postijiet tal-parkeġġ li bihom ġew aljenati ż-żgħar u jinħolqu problemi għall-anzjani.

Il-kwalità tal-arja tjiebet waqt il-pandemija – Nadine Mercieca, ERA

Nadine Mercieca, mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA), waqt li qalet li l-kwalità tal-arja tjiebet waqt il-pandemija minħabba n-nuqqas ta’ karozzi fit-toroq, għad fadal ħafna xogħol li jrid isir biex inkabbru kultura favur l-ambjent u biex innaqqsu l-użu ta’ trasport għal tnaqqis fl-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja. Mercieca żiedet tgħid li r-riċerka tagħhom turi li l-kwalità tal-arja qed tkun affettwata b’mod negattiv minħabba l-użu tat-trasport. Qablet ma’ Prof. Attard dwar il-ħtieġa ta’ strateġija olistika.

Ħafna jqisu li mhux sigur li jintużaw ir-roti – Attard Tonna

Dr Michelle Attard Tonna mill-Bicycle Advocacy Group qalet li ħafna nies f’Malta jibżgħu jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport għax iħossu li t-toroq mhux siguri biżżejjed għalihom, kemm jekk iridu jużaw ir-roti jew iridu jimxu fit-toroq.

Neħtieġu sistema olistika għat-trasport – Bezzina, eCabs CEO

Matthew Bezzina, il-Kap Eżekuttiv tal-eCabs qal li hemm bżonn li jkun hemm regolatur jaħdem sew fil-qasam tat-trasport u li tinbena teknoloġija ħafna aħjar biex tikber l-effiċjenza. Bezzina semma li bħala kumpanija qed jaħdmu biex jagħmlu dan. Semma li l-biċċa l-kbira tal-ivvjaġġar li jagħmlu n-nies huma b’karrozza privata u allura hemm bżonn li tinbena sistema olistika, biex it-teknoloġiji kollha tal-operaturi kollha jaħdmu flimkien.

It-teknoloġija tagħtina futur aħjar – Il-Kap Eżekuttiv tal-Bolt

Sebastian Ripard, Il-Kap Eżekuttiv tal-Bolt, qal li hemm bżonn ta’ għadd ta’ soluzzjonijiet għall-problema tat-trasport u għalhekk hemm bżonn ta’ eko-sistema olistika. Qal li fil-futur it-teknoloġija se tipprovdi ħafna possibiltajiet u semma diversi eżempji ta’ kif dan jista’ jsir. L-użu ta’ micro-buses kien wieħed minn dawn l-eżempji.

Mexxiet id-diskussjoni Amy Borg minn Newsbook.com.mt