Hemm soluzzjoni għall-ħajja tas-suq – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li dejjem hemm soluzzjoni għal meta l-ħajja tas-suq toffri tweġibiet li mhumiex biżżejjed, jew meta l-mistoqsijiet eżistenzjali jħabbtu lil dak li jkun.
Hu qal li s-soluzzjoni hi l-ewkaristija, li wieħed ma jonqosx minnha.
Dan il-kliem Mons. Grech qalu waqt l-omelija fl-għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-pjazza tar-Rabat, Għawdex.
Tul l-omelija l-Isqof ikkwota diversi ħassieba u teologi, fosthom lil San Tumas t’Akwinu, lil Santu Wistin, lil Sant’Ambroġ, lil Papa pawlu VI, lill-Papa Emeritu Ratzinger, u finalment lill-Papa Franġisku.
Dawn kollha b’xi mod sostnew it-twemmin biex dak li jkun, minkejja l-mewġ tal-ħajja, ifittex li jibqa’ fl-imħabba ta’ Ġesù billi jfittex ’l-Ewkaristija.
Mons. Grech jikkwota wkoll lil Ġesù, li lill-Appostli kien qalilhom biex jibqgħu fl-imħabba tiegħu.
Il-festa tal-Ewkaristija tgħaqqad erba’ komunitajiet fir-Rabat ta’ Għawdex
Sadanittant, il-Kwaranturi ressqu flimkien għall-ewwel darba l-erba’ komunitajiet fil-Belt Victoria li ċċelebraw fl-istess jiem il-festa tal-Ewkaristija.
Aktar kmieni s-sena l-oħra l-Isqof ta’ Għawdex kien wera x-xewqa li ż-żewġ komunitajiet parrokkjali tal-Katidral u ta’ San Ġorġ, kif ukoll il-knejjes tal-Patrijiet Agostinjani u dawk Franġiskani Konventwali, jiċċelebraw fl-istess jiem dawn l-‘erbgħin siegħa’ ta’ qima lill-Ewkaristija, u li jagħlqu b’quddiesa u purċissjoni waħda komuni.
Jidher li ħafna faħħru din l-inizjattiva, li mistennija tkompli fis-snin li ġejjin bis-sehem tal-Insara kollha tar-Rabat.
Ritratti: Anthony Grech