“Hemm raġuni għaliex l-MFSA ma rrevokatx il-liċenzja ta’ Pilatus”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa qal li l-azzjoni li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ħadet s’issa fil-konfront tal-Bank Pilatus ma kinitx biżżejjed u li fil-fehma tiegħu hemm raġuni għalfejn.
Ma’ Newsbook.com.mt Casa qal li l-Bank Pilatus jaħsel il-flus taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u ta’ aktar nies li jaħdmu miegħu. Skont Casa, din l-informazzjoni tinsab f’rapporti tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU).
Fi Frar, Casa ntalab jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja biex jippreżenta l-evidenza għal dawn l-allegazzjonijiet. Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-allegazzjonijiet ta' Casa mhumiex sostanzjati.
Casa qal li “jekk tittieħed azzjoni kontra Pilatus, ikun hemm riskju li jinkixfu l-illegalitajiet ta’ Keith Schembri, tal-Ministru Konrad Mizzi, ta’ Brian Tonna, u ta’ Adrian Hillman. Għalhekk għadha ma ġietx irrevokata l-liċenzja tal-bank.” Minħabba f’hekk, Casa qal li jemmen li l-MFSA ġiet kompromessa politikament.
Ilbieraħ, mingħajr ma rrevokat il-liċenzja tal-Bank Pilatus, l-MFSA keċċiet is-sid tal-istess bank Ali Sadr Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet. 
Hasheminejad u Pilatus huma ħaġa waħda
Casa qal ma’ Newsbook.com.mt li sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad huwa ħaġa waħda mal-istess bank. Qal li Hasheminejad huwa s-sid aħħari ta’ Pilatus. Fi kliem Casa, it-tneħħija tad-dritt tal-vot tiegħu mill-MFSA rigward deċiżjonijiet tal-bank meta qiegħed ġo ċella fl-Istati Uniti hija biss ċajta qarsa.
Intant, fi stqarrija Casa ħabbar li għamel talba formali mar-regolatur tas-servizzi finanzjari fir-Renju Unit biex jibdew investigazzjonijiet b’rabta mal-Bank Pilatus peress li l-istess bank għandu fergħa f’Londra.