Ir-rapport tal-NAO wassal l-allegazzjonijiet fi tmiemhom – Grupp db

Aġġornat 11:04 AM

Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (NAO) wassal fi tmiemhom l-allegazzjonijiet “bla bażi u malizzjużi” skont il-Grupp db.

Fi stqarrija ffirmata miċ-Chief Executive Officer Arthur Gauci, il-grupp laqa’ r-rapport tal-NAO dwar it-trasferiment tal-ITS lill-grupp. Ir-rapport ġie ppubblikat nhar it-Tlieta.

Gauci qal li r-rapport wassal l-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tal-grupp dwar il-prezz li tħallas minnhom għall-konċessjoni għall-art li qabel kienet tintuża mill-ITS f’Pembroke.

Il-grupp qal li filwaqt li għadu qed janalizza d-dettalji tar-rapport, tilqa’ l-aħbar li Db San Ġorġ Property Ltd ħallset il-valur korrett għall-art li akkwistat.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.

“Hemm provi biex il-kuntratt mad-DB jitħassar” – Graffitti

Il-Moviment Graffitti stqarr li l-kuntratt għall-bejgħ tal-art tal-ITS lill-grupp DB għandu jitħassar għax hemm biżżejjed provi. Huma appellaw ukoll biex issir investigazzjoni fuq dawk kollha involvuti.

Dan qaluh fi stqarrija li biha indikaw li l-Grupp DB għaddej b’eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi li permezz tiegħu mistennija jgħidu li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jeħlishom minn kull akkuża.

Il-Moviment Graffitti jgħidu wkoll li l-Grupp DB mistenni li jgħid li l-Awditur Ġenerali ma sab ebda irregolarità fil-prezz u li mkien ma jissemmew irregolaritajiet imwettqa mill-grupp. L-istqarrija tgħid li “bażikament, ħaslu idejhom u ddikjaraw ruħhom innoċenti bħal Pilatijiet tal-konkrit”.

Iżda l-Moviment Graffitti jfakkar li r-rapport tal-NAO jindika li l-inkjesta kienet imxekkla min-“nuqqas ta’ informazzjoni” u dettalji dwar in-negozjati li saru bejn Gvern u DB. Jistqarru li kieku ma hemm xejn ħażin fil-proċess, ma kienx ikun hemm bżonn dan “il-ħabi sistematiku ta’ fatti minn għajnejn il-pubbliku”. Dwar il-proċess innifsu, il-kundanna fir-rapport tal-Awditur Ġenerali hija kategorika.

Il-Moviment Graffitti jitkellem ukoll dwar il-flus li ntużaw biex tiġi rilokata l-iskola tal-ITS. Dan peress li mill-istess rapport joħroġ li l-Gvern kien qed jitlef somom kbar mill-biegħ l-art ta’ Pembroke u ntefqu €75m biex l-ITS jiċċaqlaq għal Smart City. Sadanittant, intefqu wkoll €2m oħra għal rikolazzjoni temporanja tal-ITS f’Ħal Luqa.