Hemm persuni ‘prominenti’ li għadhom ma ssemmewx fil-qtil ta’ Daphne – Il-Koħħu

Kohhu-Vince-Muscat
Reuters

Read in English.

Netwerk ta’ “individwi prominenti” u oħra li l-ismijiet tagħhom għadhom ma ssemmewx, kienu involuti fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan qalu wieħed mit-tliet akkużati li wettqu l-qtil, Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu.

F’rikors ippreżentat mill-avukat Marc Sant, Muscat akkuża lill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra li qed idumu biex jaħdmu fuq ir-rapport dwar it-talba tiegħu għall-maħfra presidenzjali. Qal li dawn qed jikkawżaw dewmien u qed iservi l-interessi oskuri ta’ partijiet terzi, inkluż politiċi involuti f’dawn l-offiżi.

Fir-rikors tiegħu, is-suspettat qal li waqr il-laqgħat li kellu mal-investigaturi, hu pprovdilhom dettalji ta’ min joqgħod fuqhom u kredibbli fuq numru ta’ każi li kienu għadhom mhux solvuti u identifika netwerk ta’ individwi prominenti u oħrajn li mhumhiex, u li kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista u offiżi oħrajn.

L-applikazzjoni ma tipprovdix aktar informazzjoni jew evidenza dwar dawn l-individwi prominenti jew politiċi.

Is-suspettat kellu tliet laqgħat mal-investigaturi f’Jannar tal-2020 u tnejn fi Frar. Il-laqgħat kienu rrekordjati u l-investigaturi għandhom kopja tagħhom.

Fl-aħħar laqgħa, l-investigaturi qalu li se jerġgħu jħarsu mill-ġdid lejn is-CDs u n-noti tagħhom biex jaraw jekk għandhomx aktar mistoqsijiet għall-akkużat. Kien hemm ftehim ukoll li l-laqgħa li jmiss kienet se tkun l-aħħar waħda. Iżda s’issa, din il-laqgħa għadha ma saritx u r-rapport għadu ma ġiex ippreparat.

Is-suspettat akkuża lill-investigaturi li qed joħolqu skużi biex il-proċess jieħu aktar fit-tul.

Muscat kien għamel l-ewwel talba informali tiegħu għall-maħfra presidenzjali permezz tal-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud. It-talba, li semmiet l-involviment ta’ Melvin Theuma, kienet ġiet irrifjutata minn Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien Prim Ministru, abbażi ta’ pariri li tawh il-pulizija.

Waqt il-proċeduri fil-qorti, ħareġ li s-sensar tal-assassinju li ngħata l-maħfra presidenzjali, Melvin Theuma, u s-suspettat bil-qtil tal-ġurnalista Yorgen Fenech, kienu ħarġu xi informazzjoni dwar it-talbiet li għamel Muscat. Muscat issottometta talba b’mod formali għall-maħfra f’Novembru tal-2019.

Fost il-lista ta’ xhieda fl-applikazzjoni hemm George u Alfred Degiorgio li huma wkoll akkużati li skattaw il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, il-kabinett tal-2017 s’issa inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. Hemm ukoll imniżżlin Melvin Theuma u Yorgen Fenech. Fil-lista hemm ukoll il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli u s-Segretarju Permanenti Mario Cutajar.