“Pazjenti bla aċċess għall-mediċini għax suq żgħir; indirizzawha b’urġenza”

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli saħqet li hemm bżonn tiġi indirizzata b’mod urġenti s-sitwazzjoni fejn swieq żgħar bħal Malta ma jkunux finanzjarjament vijabbli għal ċertu produtturi farmaċewtiċi. Il-MPE Laburista qalet dan Waqt laqgħa li kellha mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides.

Intant f’laqgħa separata fi Strasburgu mal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans u ma’ Kyriakides, Dr Dalli ddiskutiet il-Green Deal Ewropew, il-protezzjoni soċjali, l-importanza li tiġi adattata l-industrija biex jintlaqħu miri relatati mal-klima kif ukoll l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-kanċer.

Saħqet dwar l-importanza li “nimmiraw lejn sostenibbiltà fis-setturi kollha” billi ninvestu sabiex nsostnu t-tkabbir ekonomiku. Hija fissret li għal dan il-għan “hemm bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd”. Kompliet tgħid li l-impjiegi tal-ħaddiema għandhom jiġu mħarsa billi “niżguraw li l-ħaddiema tagħna għandhom il-ħiliet meħtieġa, pagi denji u kundizzjonijiet tajba tax-xogħol.”

Dwar il-Green Deal Ewropew, Dalli nsistiet li dan għandu jirrispetta l-aspetti soċjali kollha. F’din il-laqgħa bilaterali intlaħaq qbil li t-Tranżizzjoni Ġusta trid tqis ir-realtajiet tal-pajjiżi kollha, filwaqt li għandu jkun hemm ħidma; għal bidla fi ħdan l-UE favur is-sostenibilità.

Fid-diskussjoni ssemmew ukoll is-sigurtà tal-enerġija, iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, investiment infrastrutturali u l-ħolqien tal-impjiegi f’Malta.

Finalment, Dalli, li reċentement inħatret Viċi-President tal-MEPs Kontra l-Kanċer, laqgħet id-direzzjoni li se tkun qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza suġġetti bħall-prevenzjoni ta’ mard, il-proċess involut fid-dijanjosi, il-kura kif ukoll il-ħarsien li tkun tinħtieġ wara l-kura.