Hemm modi oħra kif tiġbor fondi għal partit – Il-Kummissarju għat-Tfal

Read in English.

Hemm modi differenti kif wieħed jista’ jirreklama avenimenti ta’ partiti politiċi mingħajr ma jesponi lit-tfal li huma innoċenti. Dan qalitu l-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli ma’ Newsbook.com.mt.

Din il-kamra tal-aħbarijiet tkellmet mal-Kummissarju l-Ħamis, wara li riklam għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista kien jinkludi fih lil bint il-mexxej tal-partit Robert Abela. Fir-riklam, it-tifla qed  tħeġġeġ lill-pubbliku biex jingħaqad għall-maratona ġbir ta’ fondi li qed tkun organizzata mill-Partit Laburista.

Il-filmat, li ttella fl-aħħar jiem, issa tneħħa.

Is-sena l-oħra, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli kienet għamlet l-opinjoni tagħha ċara fejn jidħol l-użu ta’ tfal taħt l-età f’kampanji politiċi: “trabi u tfal żgħar m’għandhomx ikunu involuti f’kampanji ta’ partiti politiċi.”

L-Uffiċċju tal-Kummissarju qal li filwaqt li jemmen li t-tfal għandhom dritt jipparteċipaw fi kwalunkwe parti tal-ħajja, it-tfal mhux maturi biżżejjed biex jaffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn jispiċċaw vittmi ta’ bbuljar minħabba politika partiġġjana.

“Hemm modi u mezzi oħra kif partit jista’ jippromwovi l-attivitajiet tiegħu mingħajr l-użu tat-tfal fir-reklami,” qalet Miceli.

Nota editorjali: Newsbook.com.mt jaqbel mal-pożizzjoni li ttieħdet mill-Kummissarju għat-tfal u ddeċieda li ma jippubblikax ritratti tat-tifla tal-Prim Ministru minkejja li l-filmat huwa disponibbli pubblikament.