“Hemm min qed jikkomplotta kontra Donald Trump” – eksuffiċjal tal-White House

L-eksdirettur tal-Uffiċċju Kommunikazzjoni tal-White House qal li hemm “elementi” fil-White House li qed jaħdmu kontra l-President Amerikan Donald Trump.
Anthony Scaramucci kien intervistat fuq ABC News għall-ewwel darba minn meta tkeċċa minn xogħlu wara għaxart ijiem biss jokkupa l-kariga.
Huwa insista li hemm diversi persuni fil-White House li qed jagħmlu minn kollox biex Trump ma jibqax President.
Huwa tkeċċa meta kienet ippublikata telefonata li huwa kellu u li fiha attakka l-eks Chief of Staff tal-White House Reince Priebus u uffiċjali oħra.
Scaramucci qal li kien minalih li l-intervista fuq it-telefown kienet “off-the-record,” u li ħallas prezz qares għaliha.
L-eksdirettur qal li l-President ma jirrapreżentaw l-establishment politiku u għal din ir-raġuni li hemm persuni li qed jaħdmu kontra l-aġenda tiegħu.
Saħaq li biex ikun jista’ jaħdem, Trump jeħtieġ idaħħal fil-White House aktar persuni tal-fiduċja tiegħu.