​Hemm min qed iħallas il-kont tad-dawl bir-rata ‘tal-kastig’ – Marie Briguglio

L-ekonomista Marie Briguglio qalet li hemm min qed iħallas il-kont tad-dawl bir-rata ‘tal-kastig’ ta’ 60 ċenteżmu kull unit, meta ma jkunx ħaqqu.
Dr Briguglio qalet dan waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM dwar l-allegat skandlu fuq il-kontijiet tal-ARMS.
Skont Briguglio, jekk wieħed jikkonsma 10 units kuljum, f’sena jikkonsma madwar 4,000 unit – nofshom bir-rata ta’ 10ċ5 u n-nofs l-ieħor bir-rata ta’ 12ċ9. Qalet li dan huwa prezz tajjeb u li ta’ ħafna nies il-kont jibqa’ taħt l-€1,000. Spjegat li jekk wieħed jibda jikkonsma aktar units, jibda jħallas bir-rati ta’ 16ċ, 34ċ, u 60ċ.
L-ekonomista qalet li filwaqt li hu vera li naqset ir-rata tal-ħlas, l-ammont li l-konsumatur qed igawdi b’dik ir-rata hu wieħed baxx.
Stqarret li dan ifisser li jonqos il-prezz u b’hekk jonqos l-ammont li wieħed jista’ jgawdi bi prezz baxx. Spjegat li l-ewwel 2,000 unit jiswew 10ċ5-il wieħed. Imbagħad 4,000 unit jiswew 12ċ9 kull unit. Qalet li bil-mod kif tiġi amministrata l-liġi, dawk is-6,000 unit mhux qed jitgawdew bi prezz baxx.
Fi kliem Briguglio, “l-ARMS trid taċċetta li trid tagħmel l-aġġustament fejn l-aġġustament hu mistħoqq”.
L-ekonomista rrimarkat li hi dejjem ħallset il-kontijiet mingħajr ma kienet tiflihom però mbagħad bdiet tirċievi kontijiet strambi. Qalet li l-konsum kien ta’ perjodu twil li ġie applikat fuq wieħed qasir, bil-konsegwenza li bdiet tħallas rati ogħla minflok ma ngħatat dak li kienet dovuta għalih.
“Dan hu ksur ta’ liġi”
Manuel Delia, wieħed mill-preżentaturi tal-programm, qal li jkun hemm kwota ta’ sena u peress li l-kont joħroġ kull xahrejn issir diviżjoni b’sitta. Briguglio saħqet li din hi sistema ħażina għax jekk pereżempju xi ħadd jaqbeż il-kwota f’Diċembru u Jannar jew f’Jannar u Frar, ta’ dawk ix-xahrejn ir-rata tkun ta’ 16ċ u 34ċ. Qalet li mbagħad fl-aħħar tas-sena tinduna li ma tkunx qbiżt il-kwota, minkejja li tħallas b’rata ta’ daqslikieku tkun inqabżet.
Skont Briguglio n-nies mhux qed jingħataw units li ħaqqhom u li meta marret tilmenta dwar il-kont, l-ARMS tawha raġun fuq żball li kien sar, imma mhux fuq diskrepanzi b’rabta mal-kwota. Qalet li dan huwa ksur ta’ liġi.
“Bla kompetizzjoni, jekk ma jobdux in-nies jispiċċaw bla dawl”
Briguglio semmiet każ ta’ koppja anzjana li waslilhom kont ta’ €4,000 u li ma jafux x’se jagħmlu bih. Stqarret li jekk persuna jinqatalu d-dawl meta ma jħallasx il-kont, irid iħallas €70 apparti l-mistħija.
Skont Briguglio, parti mill-problema tal-kontijiet hija marbuta mal-fatt li hemm monopolju fuq l-elettriku f’Malta. Qalet li kieku hawn il-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni titranġa. “Tista’ tagħmel li trid, għax jekk in-nies ma jobdux, jispiċċaw bla dawl”, temmet tgħid Briguglio.
L-intervista sħiħa tista' ssegwiha hawn.