Hemm klassijiet bla mwejjed u siġġijiet – UPE

Il-Unjin għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li hemm għadd ta’ klassijiet li m’għandhomx imwejjed u siġġijiet.

Fi stqarrija, l-UPE qalet li hemm diversi affarijiet fis-sistema tal-edukazzjoni li marru għall-agħar meta mqabbel mas-sena l-oħra. Qalet li hemm numru ta’ skejjel li jinsabu fi stat diżastruż.

Qalet li l-iskejjel ta’ St Thomas Moore, San Injazju, u l-Kulleġġ ta’ Għawdex għandhom diversi klassijiet li m’għandhomx imwejjed u siġġijiet. Xi xogħol li beda jsir fis-sajf ma tlestiex u kellu jkompli jsir fil-bidu tas-sena skolastika.

Ħaddiema fil-Kulleġġ ta’ Għawdex u ta’ Santa Tereża kellhom jaffaċċjaw ammont kbir ta’ trab fl-iskejjel tagħhom. Fl-opinjoni tal-UPE, l-amministrazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni mhux qed tagħti biżżejjed riżorsi lill-kapijiet tal-iskejjel biex jagħmlu xogħol tal-manutenzjoni.

L-UPE talbet kopja tal-politika dwar is-superviżjoni fuq it-trasport tal-iskola. Trid tkun taf kemm hemm bżonn għalliema għal kull student li jkun abbord it-trasport. Qalet li l-Ministeru ma tax dawn id-dettalji lill-ħaddiema minkejja li huwa obligat li jagħmel hekk.

Skont il-unjin, l-istudenti mhux qed jingħataw superviżjoni kif suppost u li jistgħu jinqalgħu inċidenti.

L-UPE qalet ukoll li Learning Support Educators (LSEs) li jkunu qed jieħdu ħsieb tfal bi bżonnijiet speċjali jridu jirkbu l-vann li jużaw dawn l-istudenti. Dan ifisser li filgħodu jridu jitilgħu bil-karozza tagħhom fil-lokalità tal-istudent u jħallu l-karozza hemm.

Jonfoq il-flus biex jiftaħar; klassijiet fi stat diżastruż – MUT

L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li l-interventi li hemm bżonn isiru fl-iskola primarja ta’ Santa Venera għandhom bżonn ħaddiema speċjalizzati. Reċentament bdew jiċċirkolaw ritratti li ttieħdu mill-iskola fuq il-midja soċjali.

L-MUT qalet li l-istat tal-bini jaffettwa kemm lill-ħadiema kif ukoll lill-istudenti.

Qalet ukoll li filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni nefaq il-miljuni biex jiftaħ laboratorji ġodda u nefaq il-flus f’kampanji biex jiftaħar bihom, hemm klassijiet oħrajn li tħallew fi stat ta’ abbandun.