“Informazzjoni falza dwar proċess mediku” – MUMN

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel f’Malta (MUMN) qalet li qed iddur informazzjoni falza mal-infermiera u l-qwiebel dwar il-kors ta’ cannulation (IV). Cannulation huwa l-proċess fejn jidħol tubu permezz ta’ labra fil-vina biex jiġu amministrati likwidi, jew biex tieħu d-demm.

L-istqarrija fakkret li l-kors huwa volontarju u li ma tridx tattendi ta’ bilfors. Barra minn hekk, li tattendi l-kors ma tfissirx li trid tagħmel il-proċess ta’ cannulation, għax ma sar l-ebda ftehim mal-MUMN.

L-istqarrija żiedet tgħid li infermieri jew qwiebel jistgħu jagħżlu li jieqfu jagħmlu l-proċess ta’ cannulation meta jridu, mingħajr ma jinformaw lil ta’ fuqhom. Ukoll, l-MUMN għamlitha ċara li peress li huwa proċess li jsir b’mod volontarju, hi ma tistgħax terfa’ r-responsabbiltà legali jew dixxiplinarja.

Il-President tal-Unjin, Paul Pace, ikkonkluda l-istqarrija billi qal li mportanti li l-membri li jaqgħu taħt il-unjin ikunu jafu x’inhuma l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet qabel jieħdu deċiżjonijiet personali dwar il-cannulation.