“Hemm id-dlam fuq il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet” – Simon Busuttil

Matul laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni ma tafx jekk il-kuntratt tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ġiex konkluż jew iffirmat għaliex mhix tingħata informazzjoni.
Simon Busuttil qal li hemm dalma kbira fuq dak li qed jiġri dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li l-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat l-aktar bil-privatizzazzjoni tal-isptar ta’ Għawdex għaliex hemm wieħed biss u l-pazjenti Għawdxin mhux se jkollhom għażla bħal f’Malta fejn hawn iktar minn sptar wieħed.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tinsab imħassba wkoll dwar it-taħriġ li għandu jingħata lill-istudenti.
Saħaq li bil-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet għadu mhux magħruf kif se jintlaqtu l-istudenti li jattendu l-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Malta.
Staqsa jekk l-istudenti li se jingħataw it-taħriġ mill-privat hux se jieħdu post l-istudenti li qed jitgħallmu fl-Università u min se jkollu l-aċċess għas-swali mal-pazjenti jekk hux dawk li jitgħallmu għand Bart’s jew tal-Università.
Il-President tal-MAM Gordon Caruana Dingli spjega li l-Assoċjazzjoni tinsab f’taħdidiet mal-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tal-isptar.
Qal li għalkemm il-MAM ma tidħolx fid-deċiżjoni tal-privatizzazzjoni qed tenfasizza li l-istandards għandhom jibqgħu għoljin.
Qal li l-importanza fis-servizz tas-saħħa hi l-kwalità u mhux biss in-numri.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-kelliema Claudette Buttigieg u Therese Comodini Cachia.