​Hemm ħafna xogħol xi jsir – Southgate

Il-kowċ tal-Ingilterra Gareth Southgate ammetta li t-tim tiegħu fadallu x’jaqdef mhux ftit sabiex ikun protagonista fit-Tazza tad-Dinja li jmiss li se ssir fir-Russja.
Bir-rebħa li kisbu lbieraħ kontra Slovenja bl-iskor ta’ 1-0, l-Ingliżi rriservaw post għal dan l-avveniment mondjali. Kien Harry Kane illi skorja l-uniku gowl tal-partita proprju fl-aħħar ħinijiet tal-logħba.
Fil-konferenza stampa ta’ wara l-partita, Southgate iddeskriva lit-tim bħala mimli potenzjal però hemm ħafna xogħol xi jsir sabiex il-plejers jingħaqdu kollha flimkien.
Din kienet is-seba’ rebħa tat-Three Lions sabiex telgħu għal 23 punt minn disa’ logħbiet.
Nhar il-Ħadd l-Ingilterra jilagħbu f’darhom f’Wembley Stadium kontra l-Litwanja.