“Hemm ħafna soluzzjonijiet oħra li ma jinvolvux il-bżonn ta’ għalliema barranin” – MUT

Read in English.

L-Union tal-Għalliema (MUT) sostniet li matul is-snin provdiet ħafna soluzzjonijiet oħrajn għan-nuqqas ta’ għalliema li ma jinvolvux il-bżonn li jinġiebu Malta għalliema barranin.

L-union qalet dan fi stqarrija b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat fil-ġurnal The Malta Independent. Il-Ministru għall-Edukazzjoni ġie kkwotat jgħid li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-union stess sabiex jitħaddmu għalliema barranin għal suġġetti speċifiċi.

Aqra: “Studenti li jkomplu għal għalliema tal-Matematika jmorru €50,000 minn taħt”

L-MUT qalet li qatt m’hi se taċċetta sitwazzjoni fejn proposti tagħha jibqgħu fuq l-ixkaffa u minflok tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ għalliema Maltin, jiġu ingaġġati għalliema barranin. L-MUT qalet li l-aħħar proposta li rċeviet hi dwar ingaġġ ta’ għalliema barranin kien madwar tliet snin ilu, u qalet li ma jfissirx li din il-miżura daħlet fis-seħħ jew se tidħol.

L-union kompliet tgħid li biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema hemm bżonn fost l-oħrajn tibdil fil-korsijiet, titjib kontinwu tax-xogħol inkluż l-aspett finanzjarju, inċentivi fl-ingaġġ u miżuri ta’ protezzjoni fost oħrajn.

Aqra: L-għalliema fl-Ingilterra bi €33,000 paga sal-2022/23

Mal-ġurnal The Malta Independent, il-Ministru qal li ladarba l-ingaġġ ta’ għalliema barranin ħadem sew fi skejjel indipendenti u tal-Knisja, dawn jistgħu jiġu impjegati wkoll mal-Gvern. Il-Ministru qal li dawn jistgħu jiġu ingaġġati biex jgħallmu l-matematika u l-IT. Hu ma kkonfermax l-għadd ta’ għalliema li hemm bżonn jiġu ingaġġati.