“Hemm Ġuda fina lkoll” – l-Isqof Grech

Hemm Ġuda f’kull wieħed u waħda minna, qal l-Isqof Għawdxi Mario Grech. Huwa spjega li l-bnedmin kollha, f’xi punt jew ieħor f’ħajjithom, jittradixxu lil Ġesù.

Dan qalu fis-Santwarju tal-Ġetsemani, hu u jitlob fl-istess ġnien fejn Ġuda ttradixxa lil Ġesù. L-Isqof Grech bħalissa qiegħed f’pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa.

Mons. Grech qal li minkejja li għandna t-tendenza li nippruvaw nidhru sbieħ ma’ Ġesù, xorta waħda nkunu qed nittraduh, bħalma għamel Ġuda fit-Testment il-Ġdid għal-liema tradiment Ġesù xorta waħda sejjaħlu “ħabib.”

Id-differenza bejn Ġuda u l-bqija tad-dixxipli kienet li filwaqt li kollha kemm huma ttradew lil Ġesù, Ġuda biss ma talabx għall-maħfra u ma rritornax lejn Ġesù. Ma fehemx li Ġesù għandu grazzja mal-midneb, mal-“ħbieb imqarba tiegħu,” sejħilhom l-Isqof, u ddubita s-sinċerità tiegħu meta sejjaħlu ħabib. L-Isqof qal li l-akbar dnub ta’ Ġuda kien li qata’ qalbu mill-ħniena t’Alla.

L-Isqof ikkonkluda li li wieħed jitlob biex ma jidnibx hi ħaġa fiergħa għax tmur kontra n-natura tal-bniedem. Dawk li jemmnu għandhom jitolbu biex tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom f’Alla.