Hemm diskrepanza bejn is-sick leave fil-privat u fiċ-ċivil?

Stħarriġ rrapurtat mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni sab li l-ħaddiema fis-settur pubbliku jieħdu medja ta’ jum aktar sick leave mill-ħaddiema fis-settur privat.
Fejn il-ħaddiema fis-settur privat jidher li jieħdu medja ta’ 2.6 ġranet sick leave fis-sena, dawk fis-settur pubbliku jieħdu medja ta’ 3.6 ġranet.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar waqt laqgħa mal-Kumitat għar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ.
Cutajar saħaq li r-riżultat tal-istħarriġ imur kontra dak li qalet l-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA) f’Settembru tal-2017 fejn kien intqal li l-ħaddiema tas-settur pubbliku jieħdu t-tripplu tas-sick leave ta’ dawk tal-privat.
Huwa kompla jgħid kif il-figuri kkwotati mill-MEA ma jikkunsidrawx il-fatt li hemm ħafna fis-settur privat li ma jirrapurtawx sick leave tal-ħaddiema tagħhom meta dawn ma’ jaqbżux ir-raba’ jum ta’ mard. Min-naħa l-oħra, Cutajar spjega kif is-settur pubbliku jirrapporta s-sick leave mill-ewwel ġurnata.
Cutajar saħaq li wara dan l-eżerċizzju hemm bżonn li ssir aktar riċerka dwar ir-raġunijiet li għalihom jittieħed is-sick leave fis-settur pubbliku, għaldaqstant jgħid li l-istħarriġ juri li r-raġunijiet mhumiex daqstant differenti minn dawk tas-settur privat.
Fid-diskors tiegħu, Cutajar insista li għad hemm ħafna xi jsir sabiex il-ħaddiema fiż-żewġ setturi jkunu fuq l-istess livell, u għalhekk hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-mod kif jiġi rrappurtat is-sick leave.