Hemm ċans li Zlatan jagħmel staġun ieħor ma’ Milan

Jista’ jkun li Zlatan Ibrahimovic se jibqa’ ma’ AC Milan anka jekk il-klabb ma jikkwalifikax għaċ-Champions League l-istaġun li ġej.

L-attakkant Svediż li għandu 38 sena se jiġġeddidlu l-kuntratt li ffirma ta’ sitt xhur jekk il-klabb ta’ San Siro jirnexxielu jikkwalifika għaċ-Champions League. Issa, l-gazzetta Taljana Tuttosport qed tirrapporta li Ibrahimovic se jkun milqugħ biex jibqa’ mall-klabb anka jekk ma jikkwalifikawx.

S’issa Milan jinsabu disa’ punti taħt Atalanta, li qegħdin fir-raba’ post tal-klassifika tas-Serie A.  Mindu Ibrahimovic irritorna mal-eks klabb tiegħu f’Diċembru li għadda, Milan irnexxielhom jirbħu sitt logħbiet u tilfu biss waħda b’kollox. Il-veteran skurja tliet gowls mindu rritorna. Id-diretturi Paolo Maldini u Zvonimir Boban qed jippjanaw li jiltaqgħu ma’ Ibrahimovic biex jiddiskutu dwar l-istaġun li ġej.