Hemm ċans li iktar tiekol ħaxix jekk ġej minn lokalità rurali f’Malta

Malta pajjiż żgħir, iżda xorta għadek issib differenzi kbar bejn Maltin li jgħixu f'ċerti lokalitajiet u oħrajn li jgħixu f'lokalitajiet oħra.
Statistika li ġiet ippubblikata turi li waħda minn dawn id-differenzi hi l-ammont ta' frott u ħaxix li persuna tiekol matul il-ġurnata.
L-istudju, ippubblikat mill-Eurostat, jikxef distakk kbir bejn l-ammont ta' frott u ħaxix li jittiekel f'lokalitajiet rurali Maltin u dak li jittiekel f'lokalitajiet urbani.
Filwaqt li madwar 34% tal-individwi li jgħixu f'lokalitajiet rurali jieklu mill-inqas ħames frott u ħaxix kuljum, din l-istatistika tonqos kważi bin-nofs, jiġifieri għal madwar 17%, fil-każ ta' lokalitajiet urbani.
Forsi mhix sorprisa l-istatistika wkoll li Malta reġgħet ġiet fl-ewwel post fejn tidħol l-istatistika fuq obeżità fl-Unjoni Ewropea.
Skont dan ir-rapport, il-problema ta' obeżità fl-UE qiegħda dejjem tiżdied, bi 15.9% ta' adulti fl-UE jkunu obeżi.
F'Malta, iżda, ir-rata ta' obeżità hi ta' 26%. Ir-rata ta' Maltin li jgħixu f'lokalitajiet rurali, din l-istatistika togħla għal 30%.
Minkejja dan, Malta mhix minn tal-aħħar fejn tidħol statistika dwar persuni li jiddedikaw iktar minn 150 minuta fil-ġimgħa jagħmlu xi tip ta' eżerċizzju fiżiku.