“Hemm bżonn ta’ aktar familji fis-sistema tal-fostering”

Kelliem għall-Assoċjazzjoni Maltija għall-Foster Care (NFCAM) qal li hemm bżonn ta’ bosta familji involuti fis-sistema tal-fostering.

Dan qalu John Rolè, li kien wieħed minn dawk li għal tul ta’ snin issielet biex idaħħal is-sistema tal-fostering fil-pajjiż.

Fostering huwa meta wieħed jaċċetta li jżomm tfal li jkunu ġejjin minn familja li ma tkunx kapaċi tipprovdilhom għajxien tajjeb sakemm il-ġenitur jew ġenituri tagħhom jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

Ma’ Newsbook.com.mt Rolè spjega li qabel mat-tfal jintbagħtu għand familja foster, għandu jiġi kkunsidrat x’tip ta’ problemi kellhom meta kienu ma’ familthom. Sostna li jekk it-tfal ikunu ġew abbużati sesswalment, ikun hemm bżonn ta’ aktar attenzjoni għand min jintbagħtu. Sostna li kemm jista’ jkun, aħwa jibqgħu jinżammu flimkien.

X’inhu l-proċess li bih wieħed jista’ jsir foster parent?

  1. L-ewwel jibda billi jagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ permezz tal-Fostering Team
  2. Il-Fostering Team imbagħad iżur id-dar biex jispjega u jara għal liema raġuni l-familja tixtieq tkun tkun parti mis-sistema. Rolè spjega li jaf jista’ jkun ikun hemm min jidħol għaliha għax irid jagħmel xi ħaġa ta’ ġid imma ma jifhimx id-dinamika u l-każ tat-tfal li jkunu għaddew minn sitwazzjoni diffiċli.
  3. Jekk l-intenzjoni tkun tajba jibda t-taħriġ li jkun imqassam fuq 6 laqgħat ta’ 3 sigħat-il waħda. Fil-laqgħat isir taħriġ dwar kif il-fostering jista’ jaffetwalek ħajtek, meta jiġu tfal għandek għall-ewwel darba x’għandhom jagħmlu u wkoll kif għandhom jaġixxu meta jasal iż-żmien biex dawn it-tfal jintbagħtu lura għand il-familja tagħhom.
  4. Wara t-taħriġ min ikun għadu jrid ikompli fit-triq sabiex isir foster parent jgħaddi minn assessjar tal-familja. Wara joħroġ rapport u jiġi ppreżentat lill-fostering board għall-approvazzjoni.
  5. Malli l-familja tiġi approvata, jibdew bl-ewwel tfal mibgħuta għandhom. Kull foster parent irid ikollu ħaddiem soċjali jassistih min-naħa tal-Fostering Team biex ikun hemm is-sapport kollu neċessarju għal dik il-familja. It-tfal jiġu assenjati ħaddiema soċjali wkoll.

Min-naħa tal-Assoċjazzjoni (NFCAM), Rolè spjega li jagħtu s-sapport ukoll lill-foster parents permezz ta’ laqgħat u taħriġ kontinwu u jkunu hemm għal min iċempel għal parir.